iL-KWADRU TITULARI

proġett ta' rESTAWR u kONSERVAZZJONI tal-KWADRU li juri lil SAN ĠILJAN ospitalier, attribwit lil ANTONIO CATALANO (1596)

B'sens ta' sodisfazzjon kbir, il-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan jixtieq iħabbar li nhar is-Sibt, 19 ta' Frar 2022 ser jitniżżel minn postu l-kwadru titulari ta' San Ġiljan, xogħol ta' Antonio Catalano (1596) sabiex jittieħed għal intervent ta' restawr u konservazzjoni. Dan il-proġett ġie fdat lil Amy Sciberras Conservators - Fine Arts Restoration. L-ewwel pass f'dan il-proġett jinvolvi l-analiżi xjentifika u dokumentazzjoni.

Dan il-proġett qed jiġi megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr permezz tar-Restoration Funding Scheme. Dan wara proċess kompetittiv li fih dan il-proġett tal-Għaqda ġie kklassifikat fl-ewwel post minn tnax-il applikazzjoni eliġibbli. Għal dan il-proġett qed tiġi allokata s-somma ta' €14,879.

Skond studju riċenti tal-Professur Mario Buhagiar (2014), il-kwadru titulari ta’ San Ġiljan huwa l-istess kwadru imsemmi fiż-żjajjar pastorali li għamlu l-isqfijiet fil-Knisja ta’ San Ġiljan sa mill-1601. Huwa tpitter fl-1596 minn Antonio Catalano.

Dan il-kwadru jissemma sa mill-ewwel viżta pastorali dokumentata fil-Knisja ta’ San Ġiljan Konfessur, fil-post imsejjaħ ‘tal-kaletti’ mill-Isqof Spanjol Tommaso Gargallo fl-1601. Hu jsemmi ikona sabiħa u devota tal-istess qaddis fuq l-artal il-maġġur: ‘In maiori est Jcona euisdem Sancti admodum decens et decora...’

Iż-żjara pastorali tal-1616 tal-Isqof Cagliares hija ukoll ta’ importanza għall-finijiet tal-istorja tal-kwadru għaliex fir-rapport ta’ din iż-żjara l-prelati tal-Isqof jagħtuna aktar dettalji fuq din ix-xbieha, u bħall-ħafna viżitaturi ta’ warajhom ma jonqsux li jikkummentaw fuqha. Ir-rapport jispeċifika li din kienet impittra fuq tila mdaħħla f’ġwarniċ tad-deheb u li kellha fuqha arma jew stemma. Cagliares jgħidilna ukoll li l-kwadru sar bil-flus ta’ ‘Fra Iohannes de Terracourt Commissarius de Thors e Ruel’, frott tad-devozzjoni li kellu.

Il-Fra Kapuċċin Padre Pelagio, fil-bijografiji tiegħu Uomini Illustri di Malta, jitkellem dwar pittura ta’ San Ġiljan Konfessur li Catalano pitter għall-Knisja tal-istess qaddis fir-raħal marittimu ta’ San Ġiljan. Huwa jgħidilna li fuq l-istess pittura, wieħed jaqra dawn l-iskrizzjonijiet: ‘Hoc Opus Devotionis Gratia Fratris Johannes de Terracourt de Thors, et Ruel sumptibus factum’, u taħtha: ‘Antonius Catalanus me cumensis pincere 1596’.

Il-pittura kienet iżgħar milli hi illum. Tneħħiet minn postha fl-1855 biex jitpoġġa l-kwadru tal-Assunzjoni ta’ Marija, iżda lejn l-aħħar tas-seklu XIX reġgħet tpoġġiet f’postha, b’Giuseppe Cefail kabbar il-kwadru sabiex jitpoġġa fil-prospettiva li naraw illum (u li kien tkabbar għall-kwadru ta’ Santa Marija). Dan ix-xogħol kien lest f’Awwissu tal-1894. Dan kien l-aktar intervent trawmatiku fuq il-kwadru.

Ninsabu kuntenti ferm li wara ħafna xogħol ta' studju u preparazzjoni u diversi attentati sabiex jinkisbu l-fondi meħtieġa għal dan il-proġett matul is-snin li għaddew, sa fl-aħħar, bil-ħidma sħiħa tal-membri tal-kumitat, dan il-proġett ser jitwettaq bil-fondi miksuba. Nirringrazzjaw lill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li emmnu f'dan il-proġett. Aktar 'il quddiem bi ħsiebna norganizzaw site-visits għall-Ġiljaniżi u membri tal-pubbliku fil-laboratorji ta' Amy Sciberras Conservators - Fine Arts Restoration sabiex kulħadd ikun jista' japprezza x-xogħol ta' restawr u konservazzjoni li se jkun qed isir.

Dan il-proġett qed jiġi megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr.