Il-FESTA
FESTA TITULARI TA' SAN ĠILJAN OSPITALIER
Il-festa titulari ta' San Ġiljan, li tiġi ċċelebrata kull l-aħħar Ħadd t'Awwissu, hija mingħajr l-ebda dubju waħda mill-avvenimenti annwali l-aktar importanti u impenjattivi għall-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan, li hija waħda mill-organizzaturi ewlenija ta' din il-festa. Għal din l-okkażjoni, l-Għaqda tħejji b'mod xieraq għal-liturġiji li jsiru fil-knisja f'din il-ġimgħa, iżżejjen it-tempju bl-aqwa mod u tagħti s-sehem sħiħ tagħha flimkien mal-Għaqdiet l-oħra tal-parroċċa biex il-festa tkun suċċess. Waħda mill-għanijiet prinċipali għat-twaqqif tal-Għaqda kienet dik li terġa' tqigeħed lil din il-knisja fiċ-ċentru tal-ħajja tal-parroċċa u tal-lokalità. Għaldaqstant, ma setax jonqos li l-knisja terġa' tieħu postha wkoll fil-festi li jikkommemmoraw il-qaddis patrun tagħha - San Ġiljan Ospitalier u Konfessur. Il-festa hija tal-parroċċa kollha u għalhekk din il-knisja li fiha twieldet il-parroċċa, iżda wkoll il-festa ta' San Ġiljan għandha tkun punt ferm fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru biex jikkommemoraw lil San Ġiljan.
Matul il-ġimgħa tal-festa fil-knisja jsiru dawn il-liturġiji/ċelebrazzjonijiet:
Nhar it-Tlieta tal-ġimgħa tal-festa tiġi ċċelebrata fil-knisja quddiesa ddedikata lill-anzjani u lill-morda tal-parroċċa. Matulha jiġi amministrat is-sagrament tal-griżma tal-morda. Janimaw il-membri tas-St Julian’s Choral Group. Hija konswetudni li f'din il-quddiesa, il-Kappillan jippreżenta rendikont tal-ħidma li tkun wettqet l-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan fuq restawr u konservazzjoni tal-knisja u l-opri tagħha u xi ħidma fuq opri ġodda. Isiru wkoll xi preżentazzjonijiet minn benefatturi u ringrazzjamenti. Wara l-quddiesa l-anzjani jkollhom riċeviment żgħir fuq iz-zuntier organizzat mill-Kummisjoni Djakonija tal-parroċċa.
L-ewwel jum tat-tridu tal-festa huwa jum iddedikat lit-tfal u lill-adolexxenti tal-parroċċa. Dakinhar issir quddiesa ddedikata lit-tfal u lill-adolexxenti fil-knisja parrokkjali. Wara ssir manifestazzjoni bil-vara tat-tfal, xogħol tal-membru tal-kumitat tal-Għaqda - Chris Micallef. Din tkun akkumpanjata mill-Banda Spinola. Id-dħul tal-istatwa fil-knisja ta’ Lapsi jkun akkumpanjat mid-daqq tal-qniepen, tfigħ ta’ karti u bżieżaq minn fuq il-kampnar u mill-marċi brijużi mill-banda, li takkumpanja l-purċissjoni. Fl-aħħar snin din il-manifestazzjoni qed tiġi organizzata flimkien mas-Soċjetà Mużikali Spinola u l-grupp Briju Ġiljaniż.
Mis-sena 2015 'l hawn, fuq inizjattiva tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan, bdiet tiġi ċċelebrata mill-ġdid fil-knisja parrokkjali l-antika l-aħħar ġurnata tat-tridu tal-festa. Din iċ-ċelebrazzjoni toffri liturġija fil-format tradizzjonali. Filgħaxija ssir quddiesa letta. Wara l-quddiesa, predikatur mistieden jinseġ prietka ta’ tifħir u glorja lil San Ġiljan. Il-prietka ssir minn fuq il-pulptu tal-knisja li ġie rrestawrat dan l-aħħar.
Festa San Ġiljan 2019
Wara l-prietka, il-kongregazzjoni titlob il-kurunella ta’ San Ġiljan, u wara l-prim ċelebrant, assistit minn żewġ saċerdoti oħra lebsin il-kappa, imexxi l-kant tal-innu tal-istrofi Nomine Insignem u l-antifona Beate Juliane 1847 mill-orkestra u s-solisti taħt it-tmexxija ta’ Mons. Ġwann Galea. Issegwi ċelebrazzjoni Ewkaristika u barka sagramentali. Tiġi esegwita mużika mill-Cappella Nani. Il-funzjoni tiġi fi tmiemha permezz tal-bews tar-relikwa akkumpanjat mill-kant tal-innu popolari u l-innu O Ġiljan Maħbub Imqaddes.
Lejlet il-festa filgħaxija tiġi ċċelebrata quddiesa fil-knisja minn saċerdot mistieden animata minn membri tal-Amadeus Chamber Choir. Wara l-quddiesa, jingħata bidu għat-tanslatio tar-relikwa ta' San Ġiljan, magħrufa minna l-Maltin bħala transulazzjoni, mmexxija minn saċerdot mistieden, u akkumpanjata mill-kleru, il-piccolo clero u l-konfraternitajiet tal-parroċċa.
Nhar il-festa filgħodu tiġi ċċelebrata quddiesa fid-9.00 ta' filgħodu. Filgħaxija, imbagħad, għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħaxija, il-purċissjoni bil-vara artistika ta' San Ġiljan tintlaqa' quddiem il-knisja parrokkjali l-antika u tingħata tislima bl-innu O Ġiljan Maħbub Imqaddes, mużika tas-Surmast Ray Sciberras, u lirika ta’ Anselm Sciberras, kantat live. Wara jindaqq L-Innu Popolari lil San Ġiljan, mużika tas-Surmast Angelo Pullicino u lirika ta' Silvio Frendo, u l-vara tiddawwar lejn il-knisja. Hawnhekk il-Kappillan imexxi lill-komunità parrokkjali u dawk kollha preżenti f’talba lil San Ġiljan. Dan iġib fi tmiemu l-involviment tal-Għaqda fil-festa.
Ritratti mill-imgħoddi