L-ARMAR

TAL-GĦAQDA DILETTANTI KNISJA TA' LAPSI, SAN ĠILJAN

L-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan għandha bħala waħda mill-għanijiet tagħha li tikkura, tirrestawra u tħares il-patrimonju ta’ armar estern għall-festa titulari, liema armar huwa xhieda ħajja tat-tradizzjoni antika tal-festa titulari ta’ San Ġiljan; u li tikkummissjona armar ġdid sabiex jiżżejnu t-toroq ta’ madwar il-knisja għall-ġranet tal-festa titulari. Tul is-snin saru diversi proġetti ta' armar minn idejn il-membri tal-Għaqda u minn artisti stabbiliti. L-Għaqda taspira li tgħożż, tħares u tippromwovi t-tradizzjonijiet lokali filwaqt li teduka l-ġenerazzjoni żagħżugħa sabiex tapprezza dawn it-tradizzjonijiet.

PROĠETT KURRENTI

Fost dawn insemmu l-aħħar proġett li l-Għaqda daħlet għalih u li dieħel fl-aħħar faħi tiegħu. Il-ħsieb ta’ dan il-proġett nibet fl-imħuħ ta’ membri tal-Għaqda madwar ħames snin ilu. Din il-pjazza, waħda mill-uniċi spazji miftuħa fil-lokalità li għadhom bla mittiefsa mill-effetti tal-progress, kienet nieqsa għalkollox mill-armar fil-ġranet tal-festa, għajr għal xi fustun tad-dawl. Għaldaqstant, il-pjazza offriet opportunità biex wieħed isawwar proġett ta’ armar ta’ kwalità, li seta’ jiġi apprezzat f’ambjent adegwat. Konsegwenza ta’ dan, il-proġett kellu jgħolli l-livell ta’ armar artistiku fil-lokalità ta’ San Ġiljan, fejn il-festa titulari għandha t-tendenza li hija aktar magħrufa għal drawwiet oħra bħall-ġostra, is-salut mill-kaċċaturi u sa ftit snin ilu, in-nar. Il-proġett kien maħsub ukoll li jieħu l-festa f’żona meqjusa fil-periferija: l-inħawi ta' Ta’ Giorni, u jintegra aktar lir-residenti ta’ din iż-żona fil-festa, li hija wara kollox festa ta’ komunità sħiħa. Dan il-prinċipju serva ta’ xprun għall-membri tal-Għaqda. Inħass il-bżonn li dan il-proġett iwassal messaġġ fuq l-istorja twila tal-knisja ta’ San Ġiljan, li tat isimha lil dan ir-raħal marittimu li żviluppa f’żona kożmopolitana, b’residenti minn kull rokna tal-globu.

Dan il-proġett ta’ tmien bandalori għall-Pjazza Post ta’ Rogazzjoni (li ħadet isimha mid-drawwa storika tat-tberik tal-irjieħ li kien isir minnha waqt purċissjoni mill-knisja parrokkjali l-antika), inbeda fl-2016, bl-ewwel fażi kienet tinvolvi diskussjoni u għażla tat-tema u, wara, riċerka fuq l-istorja tal-knisja ta’ San Ġiljan, li tmur lura għall-1580. Waqt ir-riċerka, li saret fl-Arkivji tal-Katidral, ġew identifikati tmien isqfijiet li ż-żjara pastorali tagħhom hi ta’ rilevanza storika għall-knisja u l-poplu ta’ San Ġiljan, u għalhekk kien mistħoqq li jiġu rappreżentati (uħud minnhom b’elementi fl-isfond li jiddistingwi l-ġrajja li għalihom jibqgħu mfakkra fl-istorja ta’ San Ġiljan). Sar studju wkoll fuq l-armi araldiċi tagħhom, fuq is-simboli u l-insinji marbuta mal-Isqof ta’ Malta. L-isqfijiet irraffigurati jmorru lura għal żmien l-Ordni, u l-ħakma tal-Imperu Ingliż għal ġranet aktar riċenti, bl-Arċisqof Ġużeppi Mercieca jkun l-aktar isqof fl-istorja riċenti li se jkun irrappreżentat. F’din l-ewwel fażi ġew identifikati l-artisti u artiġjani li kellhom jiġu fdati bil-proġett. Għad-disinn ġie magħżul Josef Camilleri (Ir-Rabat, Għawdex) li pprovda żewġ disinni oriġinali: waħda għall-bandalori, b’kull bandalora jkollha sopraporti maqsuma fi tliet partijiet u l-oħra għall-alabardi ta’ fuq l-antarjoli. F’dawn id-disinni, l-Artist integra l-insinji episkopali tal-baklu, il-galero (kappell ekkleżjastiku), l-arma partikolari ta’ kull isqof u s-salib tat-tmien ponot. Is-Sur Camilleri ġie fdat ukoll bl-isfumar u l-pittura marbuta ma’ dan il-proġett. Għax-xogħol tal-ħjata ntgħażel is-Sur Victor Cilia (Ħal Qormi).

Il-proġett kien imfassal biex il-proċess ta’ ħjata u sfumar jinbeda fl-2016, meta żżanżnet bandalora waħda sabiex il-membri u s-segwaċi jkollhom idea tal-proġett li kien qed jiġi propost. Dan ix-xogħol issokta fis-snin ta’ wara, bil-ħjata fuq it-tmien bandalori jiġi fi tmiemu fl-2019 u bl-isfumar li se jsir fuq l-aħħar żewġ bandalori sal-aħħar tas-sena 2021 iġib ukoll fi tmiemu l-proċess tal-isfumar. Il-fażi tal-pittura bdiet fl-2017 u sal-2019 saru erba' pitturi biex b’hekk għad baqa’ erbgħa oħra. Ix-xogħol tal-karpinterija u ż-żebgħa fuq is-sopraporti tal-injam sar u qiegħed isir mill-membri żgħażagħ tal-Għaqda. Fl-istess waqt, huma ħadmu fuq sett antarjoli ġodda tal-ħadid, l-infrastruttura u l-għodda neċessarja għall-armar ta’ dawn il-bandalori, kif ukoll fuq il-liedna sabiex ikomplu jżejnu din il-pjazza. L-istess membri ħadmu u qed jaħdmu wkoll fuq l-induratura tal-aċċessorji tal-bandalori. Fl-2019 inbeda x-xogħol fuq is-sett ta’ alabardi. Wara diskussjonijiet fuq il-materjali u d-dettalji li ġew provduti minn diversi artiġjani, ġie deċiż li dawn jinħadmu mill-istainless steel mis-Sur Joseph Vella (Ir-Rabat, Għawdex). L-ewwel waħda żżanżnet għall-festa 2019. Fadal 7 oħra xi jsiru.