iL-ĠIMGĦA MQADDSA

ŻMIEN IR-RANDAN, IL-ĠIMGĦA MQADDSA U L-GĦID IL-KBIR

Żmien IR-RANDAN


Nhar l‑Erbgħa tal-Irmied, il‑Knisja tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-liturġija tar-Randan tħejji kemm lill-katekumeni u kemm lill-fidili sabiex flimkien jiċċelebraw il-misteru tal-Għid. Lill-katekumeni tħejjijhom billi pass wara l-ieħor twassalhom għall-ħajja Nisranija u lill-fidili tħejjijhom billi tfakkarhom fl-ilma tal-magħmudija tagħhom u tħeġġiġhom għall-indiema.


Il‑Papa Franġisku jgħidilna li “r‑Randan hu żmien biex nemmnu, jew aħjar biex nilqgħu lil Alla f’ħajjitna." Għaldaqstant, is‑sawm jgħinna neħilsu mit‑toqol tal‑ħajja u nħallu lill‑Mulej jgħammar fina. Il‑Papa jenfasizza li “ż‑żmien tar‑Randan hu magħmul biex nittamaw,” u għalhekk għandna “nkunu iżjed attenti biex illissnu ‘kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu, flok kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru.’” Il‑Papa jisħaq ukoll li matul ir‑Randan il‑Kattoliċi għandhom jagħmlu karità u jieħdu ħsieb lil dawk li jinsabu “f’qagħda ta’ tbatija, telqa jew biża’.” (Messaġġ għar-Randan 2021).


Matul iż‑żmien tar‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti u jattendu l‑eżerċizzi spiritwali. Il‑Knisja tgħallem ukoll li f’Ras ir‑Randan u nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira, kull min għalaq it‑18‑il sena u għadu ma daħalx fis‑sittin sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d‑dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l‑14‑il sena għandu l‑obbligu jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.

Żmien ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa

IT-TRIDU TAL-GĦID

It-tliet ijiem imqaddsa tal-Għid tal-passjoni u l-qawmien tal-Mulej mill-imwiet huma l-quċċata tas-sena liturġika kollha. Dan għaliex l-opra tiegħu, li biha kiseb il-fidwa għalina u ta glorja perfetta lil Alla, Kristu temmha fuq kollox bis-saħħa tal-misteru tal-Għid tiegħu, meta bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna, u bil-qawmien tiegħu kisbilna ħajja ġdida. Għalhekk, bħalma l-jum tal-Ħadd huwa l-aqwa wieħed fost il-jiem kollha tal-ġimgħa, hekk ukoll is-solennità tal-Għid il-Kbir hija l-aqwa waħda fost is-solennitajiet kollha tas-sena liturġika. Iċ-ċelebrazzjoni ta' dawn it-tliet ijiem imqaddsa tibda mill-quddiesa vespertina ta' Ħamis ix-Xirka, tilħaq il-punt ċentrali tagħha fil-Vġili tal-Għid , u tagħlaq mal-għasar tal-Ħadd ta' Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet. F'jum il-Ġimgħa, fit-tifkira tal-passjoni tal-Mulej, u skont iċ-ċirkustanzi, fil-jum ta' Sibt il-Għid issir kullimkien is-sawma mqaddsa tal-Għid.

Il-Vġili tal-Għid, fil-lejl qaddis tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, jinżamm bħala 'l-aqwa wieħed fost il-vġejjel qaddisa kollha,' il-Vġili li fih il-Knisja tishar u tistenna l-qawmien ta' Kristu u tiċċelebrah fis-sagramenti mqaddsa. Għalhekk, iċ-ċelebrazzjoni ta' dan il-vġili qaddis issir kollha billejl, jiġifieri jew tibda wara li jaqa' l-lejl, jew tispiċċa qabel sbiħ il-Ħadd.

Ħamis ix-Xirka

żmien il-għid

Il-ħamsin jum bejn l-Għid il-Kbir u Għid il-Ħamsin huma ċċelebrati b'ferħ u hena qishom kienu jum wieħed ta' festa, anzi bħala l-jum il-kbir tal-Mulej. Il-Ħdud ta' dan iż-żmien jitqiesu bħala l-Ħdud tal-Għid. Iż-żmien qaddis ta' dawn il-ħamsin jum jagħlaq ma' Għid il-Ħamsin. L-ewwel tmint ijiem ta' żmien il-Għid jagħmlu l-ottava tal-Għid u huma ċċelebrati bħala solennitajiet tal-Mulej. Erbgħin jum wara l-Għid il-Kbir issir iċ-ċelebrazzjoni tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema, jew Lapsi; imma din is-solennità, fejn mhijiex festa kmandata, issir fis-sebgħa Ħadd tal-Għid. Il-ferji ta' wara Lapsi, sas-Sibt lejlet Għid il-Ħamsin huma ġranet ta' tħejjija għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

L-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan tagħti sehem fl-organizzazzjoni tad-diversi festi li jsiru matul is-sena, ewlenija fosthom il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, u żżejjen dan it-tempju b’mod xieraq għal dawn il-festi, u matul is-sena liturġika kollha tal-Knisja.

Żmien il-Għid