SFOND STORIKU

FESTA TITULARI TA' SAN ĠILJAN OSPITALIER


Dokumenti storiċi jindikawlna li xi forma ta’ festa esterna lil San Ġiljan kienet issir sa minn qabel it-twaqqif tal-parroċċa. Fl-1877, il-festa kienet iċċelebrata nhar il-Ħadd 26 ta’ Awwissu. Il-funzjonijiet liturġiċi fil-knisja kienu jinkludu mużika mmexxijja mis-Surmast Malfiggiani, filwaqt li l-festi esterni kienu jinkludu mixegħla, logħob tan-nar, il-ġostra u marċijiet mill-Banda La Nazionale Vincitrice u dawk ta’ Birkirkara u l-Furjana.

L-aħħar snin tas-seklu dsatax kienu żminijiet tad-deheb għall-poplu ta’ San Ġiljan. Bl-għoti tad-digriet Quum Incloae, l-Isqof ta’ Malta Monsinjur Pietru Pace kien qata' x-xewqa li l-Ġiljaniżi jkollhom parroċċa għalihom. Wara dan seħħew numru ta’ avvenimenti importanti fil-ħajja tal-parroċċa, waħda wara l-oħra. Kien żmien ta’ ewforija għall-Ġiljaniżi li raw iseħħ quddiem għajnejhom dak li kienu bdew jitolbu sa mill-1849. Għalhekk, stinkaw kemm felħu sabiex il-knisja tkun imkabbra għad-daqs li nafuha llum, tiġi mżejna b’opri ta’ arti ġodda u mgħammra bl-oġġetti liturġiċi neċessarji. Ewlenin fost dawn l-opri tal-arti kien hemm teżor li l-parroċċa għadha tgħożż: l-istatwa proċessjonali ta’ San Ġiljan, opra fil-kartapesta tal-magħruf Karlu Darmanin u rigal ta’ Salvatore Mattei, li twasslet lejn il-knisja parrokkjali taż-żmien b’festi kbar fil-lejl tat-13 ta’ Awwissu 1893 u tbierket mill-Vigarju ġenerali tal-Arċisqof.


Sors importanti għall-istorja tal-bidu tal-festa ta’ San Ġiljan huwa l-Libro Esito della Procura della Veneranda Lampade della Chiesa Parrocchiale di San Giuliano. Dan il-ktejjeb ta’ kontijiet – tal-Prokura tal-Lampier, li kellha l-ewwel obbligu tagħha li tipprovdi ż-żejt għal-lampier ta’ quddiem Ġesù Sagramentat, jagħtina tagħrif siewi dwar il-ħajja parrokkjali bejn il-5 ta’ Novembru tal-1895 u t-18 ta’ Frar tal-1904. Kull spiża li kienet issir kienet titniżżel f’dan il-ktejjeb minn Dun Ġiljan Zammit, li kien prokuratur tal-knisja fi żmien il-parrokat ta’ Dun Ġużepp Xerri (sa mill-1895), u żamm din ir-responsabbiltà meta sar kappillan ta’ San Ġiljan.


L-istampa li jagħtina dan ir-reġistru turina li l-ingredjenti li għadhom jagħġnu l-festa ta’ San Ġiljan illum għandhom għeruq fondi. Dawn kienu żminijiet fejn ferħ il-poplu kien isibu u jesprimih fil-fidi tiegħu. Kull festa kienet tiġi ċċelebrata b’solennità. Għalihom kienu jiġu mistednin predikaturi minn kull rokna tal-gżira u l-knejjes kienu jagħtu importanza kbira lill-mużika li ssebbaħ il-liturġija f’dawn il-festi. F’San Ġiljan il-poplu ma kienx jagħmel għajb għal dan.

Għall-festa kienu jiġu mistiedna żewġ saċerdoti, wieħed sabiex jipprietka fit-tlett ijiem tat-tridu u ieħor sabiex fil-ġurnata tal-festa jinseġ il-paniġierku – kuruna ta’ tifħir – f’ġieħ il-Patrun tal-parroċċa. Il-mużika tat-tridu kienet fdata lill-Maestro Alberto Vella, li kien is-surmast residenti tal-knisja, filwaqt li l-Cappella Nani kienet tmexxi l-mużika mad-dħul tal-liturġija tal-festa, jiġifieri lejlietha u nharha. Għadna niftaħru sal-lum bl-antifona u l-mużika li ħallewlna l-kompożituri ta’ din il-familja, ewlieni fosthom Paolo Nani. Tiegħu għandna żewġ antifoni, Beate Juliane (1847) u (1893), l-innu tal-istrofi Nomine Insignem u l-innu tat-translazzjoni Iste Confessor. Din il-mużika tifforma parti mill-identità kulturali tagħna l-Ġiljaniżi li nħobbu lill-parroċċa tagħna, hekk li nħossu ferħ kbir meta nisimgħuha tindaqq fil-ġranet ta’ festa. Fatt kurjuż huwa li l-antifona li tant inħobbu ma nktibitx għal San Ġiljan. L-antifona Beate Juliane miktuba minn Paolo Nani għal San Ġiljan hija dik iddatata 1893, l-istess sena tal-wasla tal-vara titulari. Iżda l-Ġiljaniżi xtaqu antifona aktar melodjuża u maestuża u għalhekk Nani kien adatta t-test tal-antifona għall-mużika tal-antifona Iste Sanctus li kienet inkitbet għall-festa ta’ San Dimitri ġewwa l-Isla fl-1847. Din l-antifona kienet tindaqq għal diversi festi oħra, fosthom dik ta’ San Ġiljan. Iżda maż-żmien dawn kollha nqatgħu u l-antifona baqgħet tindaqq biss San Ġiljan. Il-partitura oriġinali tagħha ġiet irregalata lill-parroċċa mill-aħħar mużiċista tad-dinastija Nani: Mro Paul Nani, iben Antonio.

Bla dubju ta’ xejn, il-festi tradizzjonali Maltin jafu l-bidu tagħhom f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knisja. Il-festi twieldu ġewwa l-Knisja. Madankollu, maż-żmien, it-toroq tal-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin bdew isiru bħallikieku estensjoni tal-Knisja; fejn il-poplu ma baqax juri t-twemmin Nisrani u l-ferħ li jġib miegħu billi jattendi għall-funzjonijiet liturġiċi tal-Knisja biss, iżda beda jesprimi d-devozzjoni u l-ferħ tiegħu għall-qaddis jew qaddisa patruna billi jittrasforma t-toroq f’ġenna ta’ mixegħla, bnadar, pavaljuni, bandalori u statwi; fid-daqq ta’ strumenti mużikali; fl-isparar ta’ maskli, murtali u musketteriji; u saħansitra f’attivitajiet oħra bħat-tiġrijiet tal-bhejjem u l-ġostra.


F’San Ġiljan, il-bidu tal-festi esterni jeħduna lura għaż-żmien fejn il-Knisja kienet tiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu jew il-Ħadd ta’ wara. Achille Ferris, fil-ktieb tiegħu Descrizione Storica della Chiese di Malta e Gozo, jgħidilna li sa mill-qedem, il-knisja kienet dedikata lil San Ġiljan, iżda kienet magħrufa bħala ‘Ta’ Lapsi,' u l-kwadru titulari kien iddedikat lill-Assunta. Kien żmien meta moviment Marjan kien irnexxielu jbiddel it-titular tal-knisja u għalhekk il-festa titulari saret dik ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Il-festa ta’ Santa Marija kellha diversi ingredjenti li jagħmlu festa esterna. Il-mixegħla kienet issir lejliet u nhar il-festa u ġieli kienet tinkludi wkoll il-Palazz ta’ Spinola, li f’dan iż-żmien kienet isservi ta’ villa tal-Ġiżwiti. Fl-1860, il-festa kienet tinkludi wkoll il-logħob tan-nar u l-ġostra.

Id-devozzjoni qawwija lejn San Ġiljan li kienet taf il-bidu tagħha qabel il-vista pastorali tal-Isqof Gargallo fl-1601 qatt ma mietet, anke f’dan iż-żmien. Mat-twaqqif tal-parroċċa, il-Ġiljaniżi xtaqu li l-kwadru titulari ta’ San Ġiljan jerġa' jitqiegħed f’postu, u hekk sar. Il-kisba ta’ dan it-titlu fl-1891 fisser entużjażmu ġdid u dan il-fatt, kif ukoll il-wasla ta’ vara proċessjonali fil-lejl tat-13 ta’ Awwissu 1893 bilfors wassal biex il-festa tikber u tiġi ċċelebrata b’mod xieraq barra l-knisja wkoll.


Fl-1896, it-toroq ta’ San Ġiljan kienu għadhom jitkebbsu bid-dawl tal-imsiebaħ tal-pitrolju, kif kienu d-djar tal-Ġiljaniżi. Għaldaqstant, fil-festa l-faċċata tal-knisja parrokkjali u t-toroq tal-madwar kienu mixgħula għall-okkażjoni minn persuna mqabbad għal tal-apposta, bil-fjakkli u t-tazzi taż-żejt. Fl-1896, il-Prokura tal-Lampier ħallset lil ċertu Carmelo Agius is-somma ta’ għaxar liri u għaxar xelini "per illuminazioni." Ma’ dawn tħallsu l-ispejjeż ta’ xelin u ħames soldi għal fjakkli vojta u t-trasport tagħhom; xelin, sold u nofs għall-ftajjel, u għaxar xelini għaż-żejt.

Fil-festa ta’ San Ġiljan tal-1901 u 1902 jidher li kien hemm innovazzjoni ġdida. Hawnekk insibu introduzzjoni ta’ ħlasijiet imniżżla ma’ dawk tal-festi esterni għall-gass. Dan jindikalna li probabbilment dan seta’ beda jintuża fil-mixegħla tal-faċċata tal-knisja u t-toroq tal-madwar għall-ġranet tal-festa. Jidher ukoll li l-Ġiljaniżi f’dan iż-żmien kienu qed jippruvaw ikabbru l-festa esterna billi jżidu l-armar fit-toroq. Fir-rendikont tal-festa tal-1896 insibu annotament tal-ħlas ta’ ħames liri lil "L.Rocco per pedestallo di un angelo." Dan jagħtina x’nifhmu li kienu qed isiru xi statwi biex iżejnu l-wesgħat ta’ barra l-knisja. Konferma ta’ dan insibuha f’annotamenti ta’ ħlasijiet li saru fil-15 t’Awwissu tas-sena ta’ wara fejn insibu ħlas ta’ tmien liri "al Sig. C. Darmanin per una statua rappresentante un angelo."

F’dan il-ktieb ta’ kontijiet hemm imniżżla diversi ħlasijiet li saru mill-prokura lil għad ta’ baned li ta’ kull sena kienu jallegraw il-poplu Ġiljaniż fil-jiem tal-festa tal-Patrun tiegħu. Dan il-perjodu li fuqu qed nitkellmu huwa 'l bogħod minn dak iż-żmien li fih Dun Pawl Galea ġabar grupp ta’ żgħażagħ fid-Domus (dar tad-duttrina) li kien waqqaf fi Triq Birkirkara, u ħajjar lil Angelo Pullicino sabiex ikompli jħarriġhom fid-daqq tal-mużika u jifforma banda, liema banda kellha tingħaqad maċ-Circolo San Giuliano u ssir ċ-Circolo Filarmonika San Giuliano fl-1927. Huwa żmien aktar u aktar 'il bogħod mit-twaqqif tat-tieni banda ġewwa San Ġiljan minn Ġiljan Bonello fl-1987. Għaldaqstant, il-baned li kienu jieħdu sehem fil-festa titulari f’dan iż-żmien kienu jkunu baned mistiedna mill-Kappillan.

Naturalment, il-logħob tan-nar ta’ dawn iż-żminijiet huwa ferm ’il bogħod mill-ispettakli li komplew jikbru u li aħna mdorrijin bihom fil-ġranet tal-lum, anke fil-lokalità tagħna. Madankollu, il-festa ta’ San Ġiljan ma kinetx nieqsa minn dan l-ingredjent anke f’dawn iż-żminijiet. Il-ħlasijiet li nsibu f’dan il-ktieb ta’ kontijiet huma ħafna drabi għall-porvli, bombi, murtaletti u logħob tan-nar tal-art jew "guochi di fuoco."


Dawn l-ingredjenti jibqgħu jagħmlu parti mill-festa ta’ San Ġiljan illum: il-liturġija fil-knisja, il-mixegħla u l-armar, il-baned, in-nar u l-ġostra. Sfortunatament, il-progress ġab miegħu rigress, u dan affettwa wkoll il-festa ta’ San Ġiljan. Madankollu, l-Għaqda tagħna, flimkien ma’ diversi oħrajn tibqa’ tistinka biex din it-tradizzjoni sabiħa tibqa’ parti integrali mill-kalendarju tal-parroċċa u tal-lokalità tagħna.



Dan it-tagħrif ġie miġbur minn Niki Papagiorcopulo