iL-mILIED

ŻMIEN L-AVVENT U L-MILIED FIL-KNISJA TA LAPSI

Żmien l-Avvent


L-Avvent hu żmien ta’ stennija, ta’ konverżjoni, ta’ tama:

  • stennija-tifkira tal-ewwel miġja umli tal-Feddej fil-ġisem mortali tagħna; stennija-supplika tal-aħħar miġja glorjuża ta’ Kristu, Sid l-istorja u Mħallef universali;

  • konverżjoni, li spiss il-Liturġija ta’ dan iż-żmien tistedinna għaliha bil-leħen tal-profeti u fuq kollox ta’ Ġwanni l-Battista: “Indmu, għax is-Saltna tas-smewwiet hi fil-qrib” (Mt 3:2);

  • tama hienja li s-salvazzjoni li diġà ġab Kristu (ara Rum 8:24-25) u r-realtajiet tal-grazzja diġà preżenti fid-dinja jaslu għall-maturazzjoni u l-milja tagħhom, biex hekk il-wegħda tinbidel f’kisba, il-fidi f’viżjoni, u “aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3:2).


L-Avvent għandu żewġ taqsimiet:

  • Mill-Ewwel Ħadd tal-Avvent sas-16 ta’ Dicembru, il-liturġija tiffoka fuq l-istennija tal-aħħar miġja ta’ Ġesù.

  • Mis-17 ta’ Dicembru l quddiem il-liturġija tidħol fit-tieni parti tal-Avvent, immarkata aktar speċifikament bil-qari ta’ siltiet mill-Evanġelji li jittrattaw l-istennija ta’ Ġesù u t-twelid tiegħu.


Il-kulur tal-paramenti huwa vjola ħlief għat-tielet Ħadd li hu roża, u li hu sinjal ta’ ferħ billi fil-qrib tkun il-wasla tal-Messija. Infatti, dan il-Ħadd huwa magħruf bħala Ħadd il-ferħ jew Gaudete.


Fi żmien l-Avvent, il-Liturġija tiċċelebra spiss u b’mod eżemplari lill-Verġni Mqaddsa: tfakkar xi nisa tal-Patt il-Qadim, li kienu figura u profezija tal-missjoni tagħha; tfaħħar l-imġiba ta fidi u ta’ umiltà li biha Marija ta’ Nażaret twaħħdet minnufih u b’mod sħiħ mal-pjan salvifiku ta’ Alla; tixħet dawl fuq il-preżenza tagħha fil-ġrajjiet ta’ grazzja li seħħu qabel it-twelid tal-Feddej. Anki l-pjetà popolari tiddedika, fi żmien l-Avvent, attenzjoni partikulari lill-Imqaddsa Marija; dan bla dubju jixhduh il-bosta atti ta’ qima, fuq kollox in-noveni tal-Immakulata u tal-Milied.

Żmien l-Avvent u l-Milied 2020

Żmien Il-Milied


Tneħħi ċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid, l-iżjed ċelebrazzjoni antika fil-Knisja hija t-tifkira tat-twelid ta' Sidna u tal-ewwel dehriet tiegħu. Dan isir fil-Milied. Żmien il-Milied jibda mill-ewwel għasar tal-Milied sal-Ħadd wara s-6 ta' Jannar. Permezz tat-twelid tiegħu, Ġesù daħal fl-istorja tal-umanità. Twieled fil-għar ta’ Betlem bħala bniedem. Fit-Testment il-Qadim, il-Lhud kienu jqisu li hemm distanza bejn Alla u l-bniedem. Issa din id-distanza spiċċat. Fil-għar ta’ Betlem b’mod fqir, umli u bla daqq tat-trombi, Ġesù daħal fl-istorja tal-bniedem.


Il-Papa Benedittu XVI ifakkarna li "filwaqt li nersqu bil-mod il-mod lejn il-lejl qaddis tal-Milied, il-liturġija tirrepetilna b’qawwa dejjem iktar intensa: 'Maranatha! Ejja, Mulej Ġesù!' Din it-talba titla’ mill-qlub ta’ dawk li jemmnu mxerrda mad-dinja kollha u tidwi f’kull komunità li temmen. Fil-Milied jasal il-Messija mistenni, dak li fis-sinagoga ta’ Nażaret jgħid għalih il-kliem profetiku tal-qedem: 'Bagħatni [...] nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin' (Lq 4,18). Is-Salvatur tal-bniedem se jiġi jsalvana u jkisser l-irbit kollu tal-qerq, tal-egoiżmu, tad-dnub, li jżommna ilsiera. Kemm hu importanti li nħejju ruħna biex nilqgħuh b’umiltà u b’sinċerità! Fil-misteru tat-twelid ta’ Kristu, il-Missier tas-sema juri l-ħniena tiegħu lill-umanità. Huwa ma riedx iħalli lill-bniedem waħdu fid-dnub tiegħu, imma ġie jiltaqa’ miegħu, huwa joffrilu l-maħfra li teħles mill-ħakma tad-dnub bil-qawwa tal-grazzja tiegħu" (Diskors lir-rappreżentanti tal-Forzi Armati Taljani, 16 ta’ Diċembru 2005).


Il-Milied għandu wkoll l-ottava tiegħu li tinqasam kif ġej. Il-Ħadd fost l-ottava ssir il-festa tal-familja mqaddsa ta' Ġesù, Marija u Ġużeppi. Fis-26 ta' Diċembru ssir l-festa ta' San Stiefnu, l-ewwel martri. Fis-27 ta' Diċembru ssir il-festa ta' San Ġwann, Appostlu u Evanġelista. Fid-29 ta' Diċembru ssir il-festa tal-qaddisin innoċenti. Fl-1 ta' Jannar tiġi ċċelebrata s-solennità tal-Imqaddsa Omm Alla Marija, li fiha ssir it-tifkira ta' meta Bin Alla tawh l-Isem Imqaddes ta' Ġesù. Il-Ħadd ta' qabel is-6 ta' Jannar tiġi ċċelebrata s-solennità tal-Epifanija tal-Mulej, u Ħadd wara ssir il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej.


L-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan għandha bħala waħda mill-għanjiet tagħha li tagħti sehem fl-organizzazzjoni tad-diversi festi li jsiru matul is-sena u li żżejjen dan it-tempju b’mod xieraq għal dawn il-festi, u matul is-sena liturġika kollha tal-Knisja. L-armar għall-Milied fil-knisja jibda mill-ewwel Ħadd tal-Avvent u jibqa’ sejjer sa lejlet il-Milied. Ħadd wara Ħadd, il-knisja tibda tieħu dik id-dehra tant sabiħa u ta’ ġabra li hija sinonima ma’ dawn il-festi. Għal din l-okkażjoni, kif wieħed jista’ jimmaġina, l-ewwel ma jsir ikun it‑tindif tal-knisja. Wara jibda jintrama d-damask tal-pilastri tal-kor u l-pavaljuni tad-damask mal-arkati. Fl-istess ħin jintramaw l-lama mal-istess arkati, il-girlandi tal-Milied u l-brazzi tad-dawl maċ-ċinta ta’ kull arkata, arranġamenti tal-fjuri, girlandi u arranġamenti tal-fjuri mal-ħitan, l-istatwi tal-anġli kbar ta’ Karlu Darmanin bil-brazzi tagħhom, il-presepju li jintrama mal-bieb il-kbir tal-knisja, l-altar laterali bil-ventaltari, dvalji u sopratrieħi tal-okkażjoni u fl-aħħar u mhux l‑anqas l-altar il-maġġur, li jibda jintrama fil-ħin għan-novena. Bħas-soltu għan-novena jintrama wkoll wieħed mill-altari laterali fejn ikun hemm armat ukoll il-Bambin li minnu jittieħed proċessjonalment lejn l-altar il-maġġur lejlet il-Milied. Fl-aħħar, imbagħad, tieħu postha l-ponsjetta bil-lewn tagħha sinonimu mal-Milied ta’ Ġesù Bambin. Dan l-armar ta' ġewwa l-knisja, li qed jinbidel minn sena għall-oħra, huwa kkumplimentat b’ieħor barra - bil-faċċata tal-knisja u z-zuntier jiżżejnu wkoll mill-membri tal-Għaqda. B’hekk kull sena l-membri jagħmlu l-almu tagħhom sabiex iġibu ftit spirtu tal-Milied fil-qalba tar-raħal antik ta’ San Ġiljan. Lejlet il-Milied filgħodu jintramaw l-aħħar affarijiet fil-knisja u tieħu postha l-ġulbiena li tkun ġiet imkabbra fil-ġimgħat ta’ qabel. Isiru wkoll l-aħħar tħejjijiet għal-liturġija ta’ lejlet il-Milied organizzata mill-membri tal-Inner Wheel Circle li ta’ kull sena jiċċelebraw il-Milied ta’ Sidna Ġesù fil-knisja tagħna. Kull sena din l-organizzazzjoni voluntarja tagħmel ġabra speċjali b’risq il-fond ta’ restawr u konservazzjoni ta’ din il-knisja u l-opri tagħha. Bis-saħħa tal-Inner Wheel Circle matul is-snin ġew irrestawrati numru ta' pitturi u opri tal-arti li jżejnu l-knisja.


Ritratti minn snin imgħoddija tal-knisja mżejna għall-Avvent u l-Milied