il-knisja

ġrajjet il-knisja ta san ġiljan ospitalier


L-ewwel ħjiel ta’ knisja ddedikata lil San Ġiljan Ospitalier fl-inħawi msejħa ‘Qaliet Ġnien il-Fieres’ teħodna lura għas-sena 1580. Achille Ferris, fil-ktieb tiegħu Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo (1866), jagħti din id-data għall-bini tal-knisja ta’ San Ġiljan filwaqt li jirreferi għaliha bħala ‘antichissima’. Kien fil-fatt l-Isqof Tommaso Gargallo, li fiż-żjara tiegħu fil-parroċċa ta’ Birkirkara fl-1601, semma għall-ewwel darba knisja ddedikata lil San Ġiljan Konfessur fil-limiti ta’ din il-parroċċa. Fir-rapport taż-żjara tal-Kanċillier, jissemma l-fatt li l-knisja nbniet "m’ilhiex, sewwasew fejn kien hemm il-knisja l-qadima," permezz tal-offerti li saru mid-devoti tal-qaddis mifruxin mad-djoċesi ta’ Malta. Il-bosta wegħdiet ta’ xemgħa u tal-fidda li kienu mdendla mal-ġenb tal-altar il-maġġur kienu xhieda ta’ dan. Hu jsemmi wkoll ikona sabiħa u devota - "li ġġiblek qima" - tal-istess qaddis fuq l-altar il-maġġur, li kien mgħammar bl-apparat liturġiku neċessarju għas-sagrifiċċju tal-quddiesa u li kien seperat mill-knisja permezz ta’ kanċell li kien jinżamm imsakkar.

Dun Filippo Borg, kappillan ta’ Birkirkara, ikkonferma li l-knisja nbniet mill-ġdid fl-1593 fl-istess post ta’ oħra li kienet iffrekwentata minn ħafna devoti. Borg isemmi li l-Prokuratur tal-knisja, Lorenzo Pullicino ħalla lil ibnu Mattew xi art maġenb il-knisja sabiex permezz tagħha jinxtegħel il-lampier fis-Sibtijiet u l-Ħdud u biex tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġiljan kull 27 ta’ Jannar bil-kant tal-għasar u quddiesa solenni. Borg irrisponda l-mistoqsijiet tal-prelati viżitaturi fuq ‘mirakli’ li jingħad li kienu qed iseħħu max-xtut mhux bogħod mill-knisja. Huwa kkonferma li diversi Maltin u barranin devoti tal-qaddis kienu jżuru l-knisja u wara li jitolbu, jinżlu x-xatt biex jinħaslu fl-ilma ta’ nixxiegħa partikolari, jindifnu fir-ramel u wara jsostnu li ġew mnaddfa mill-mard tagħhom.

Ir-rapport ta’ din iż-żjara huwa għalhekk importanti mhux biss għaliex hija dik li tagħtina l-ewwel informazzjoni fuq il-knisja ta’ San Ġiljan, iżda hija ta’ valur għal fatt li tgħarrafna li din it-tradizzjoni magħrufa tmur lura għas-seklu sittax. Dan ir-rit, nistgħu ngħidu li baqa' għaddej għal ’il fuq minn tliet sekli. Ittra fil-gazzetta Malta Times tat-2 ta’ Awwissu 1853, miktuba minn turist Ingliż li baqa' mgħaġġeb b’użanza bħal din, tixhed li sa din id-data din il-prattika kienet għadha ħajja u fl-aqwa tagħha. L-istatwa ta’ San Ġiljan, imwaqqfa fil-post fl-1836, tibqa’ bħala tifkira dejjiema ta’ din it-tradizzjoni u fil-fidi ta’ missirijietna fil-Patrun tagħhom.

Ir-rapport taż-żjara tal-Isqof Baldassere Cagliares fis-sena 1616 tikkonferma l-popolarità tal-knisja, li kienet tinsab qrib xatt il-baħar fl-inħawi magħrufa bħala 'tal-kaletti'. Bħal ħafna viżitaturi ta’ warajh, l-Isqof Cagliares ma jonqosx li jikkummenta fuq il-pittura jew ikona ta’ San Ġiljan li kienet tinsab ivvenerata fuq l-altar. Jgħid li din kienet impittra fuq tila mdaħħla fi ġwarniċ tad-deheb u kellha fuqha arma jew stemma. Cagliares jgħidilna wkoll li l-kwadru sar bil-flus ta’ Fra Iohannes de Serro Court Commissarius de Trans e Ruel minħabba d-devozzjoni li kellu. Dan ifisser li l-kwadru titulari kien ikkumissjonat minn kavallier.


Monsinjur Salvatore Pontremoli, vigarju kapitulari, fiż-żjara li għamel fil-knisja nhar it-8 ta’ Ottubru 1634, jagħtina r-raġuni għalfejn din għadha sal-lum magħrufa bħala ‘Ta’ Lapsi’. Il-Vigarju jsemmi li nhar is-solennità tal-Axxenzjoni tal-Mulej, madwar 200 ruħ kienu jinġabru l-knisja fejn kienu jiġu ċċelebrati diversi quddisiet. Wara li kienu jgħidu d-devozzjonijiet tagħhom, in-nies kienu jinżlu l-bajja u jqattgħu ġurnata l-baħar u hekk jiftħu l-istaġun tas-sajf.


Rapporti ta’ diversi żjarat pastorali tal-isqfijiet u l-prelati tagħhom jagħtuna dettalji storiċi importanti fuq il-knisja, hekk kif jagħtuna sorsi oħra. Ferris jgħidilna li l-knisja nbniet mill-ġdid fl-1682. Dan hu kkonfermat fi studju dettaljat li għamel n-Nutar Eugene F. Montanaro, li jgħidilna li din inbniet fuq pjanta tal-Perit Vincenzo Casanova u permezz tal-ġenerożità ta’ devot - Baldassare Ciantar, li ħallas is-somma ta’ 120 skud lill-bennej Bartilmew Camilleri. Il-bini tal-knisja sar ukoll bit-tħabrik tal-prokuraturi, Don Mario Haxixa u Domenico Gat. Din il-binja ma kellhiex ħajja twila għaliex fl-1716, l-Isqof Giacomo Canaves ordna lill-Prokuratur Ġużeppi Ciantar sabiex jibni l-knisja mill-ġdid għaliex kienet fi stat perikoluż għall-fidili. Fl-1723, l-Isqof Gaspar Gori Mancini kkundanna l-knisja għall-għeluq għaliex l-ordni tal-predeċessur tiegħu ma kenitx esegwita, u ordna li l-beni tagħha jittieħdu fil-knisja parrokkjali ta’ Birkirkara fejn kellhom jiġu esegwiti l-piżijiet tal-fundazzjonijiet imħollija lilha.

Il-knisja kienet wieqfa mill-ġdid sal-1729, hekk kif ikkonfermat mill-Isqof Alpheran De Bussan li żar il-knisja nhar id-19 ta' Diċembru ta’ din is-sena, bħala parti miż-żjara li kien qed jagħmel fil-parroċċa ta' Birkirkara. Ir-rapport taż-żjara ta’ De Bussan jgħid li "ġiet mibnija mill-ġdid mill-pedament dan l-aħħar." Ir-rapport taż-żjara jagħti deskrizzjoni dettaljata tal-għamla tal-knisja u tal-fundazzjonijiet u l-piżijiet tagħhom, li issa bdew jerġgħu jiġu mwettqa fil-knisja l-ġdida, wara li għamlu żmien jiġu esegwiti fil-kolleġġjata ta' Birkirkara. Kienet biss il-festa ta' Lapsi li ġiet eżentata minn dan, billi l-Isqof ikkonċeda li l-festa tal-Axxenzjoni tiġi ċċelebrata fil-knisja tal-Imqaddsa Verġni Marija taħt it-titlu tal-Kunċizzjoni ta' Spinola, qrib xatt il-baħar sabiex "il-poplu ma jiddawwarx minn devozzjoni kbira bħal din."


Bħal dik ta' qabilha, il-knisja kellha tliet altari. Il-maġġur kien fil-fond, iħares lejn il-bieb prinċipali u kien mgħammar kif jixraq għas-sagrifiċċju tal-quddiesa. Il-kwadru ta' fuqu kien antik ħafna, imdaħħal ġewwa spazju fil-ħajt u mdawwar bi gwarniċ tal-injam ikkulurit. De Bussan iżid dettal importanti – jgħid li dan tpitter fl-1596. L-Isqof ordna biex il-pittura tiġi rrestawrata fin-naħa t'isfel, biex l-altar jiġi mgħotti bit-twavel u li jitnaddaf il-lampier. Ikkonferma li l-festa kienet tiġi ċċelebrata nhar is-27 ta' Jannar bil-quddiesa u l-kant tal-ewwel għasar. L-Isqof De Bussan isemmi l-piżijiet kollha li kienu jitwettqu fuq dan l-altar, imsemmijin f’rapporti ta’ żjarat pastorali preċedenti, u li kienu qed jitwettqu kif ikkonfermat mir-reverendissimu Arċipriet koadjutur. Dawn kienu jinkludu quddiesa letta fil-festa ta' San Ġiljan frott id-dispożizzjoni ta' Mattew Pullicino; quddiesa oħra fl-istess festa mid-dispożizzjoni ta' Girolama Constanza Cassar, il-mara tal-mejjet Pietru Pawl Falzon, hekk kif imniżżel fl-atti tan-Nutar mejjet Nicola Allegritto tas-17 ta' Jannar 1677; u fl-aħħar obbligazzjoni li titqaddes quddiesa kull nhar ta' Ħadd tax-xhur: April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru, frott it-tħollija tal-mejjet Martinu Borg, hekk kif imniżżel fl-atti tan-Nutar Pietru Attard tal-1638.


Is-seklu XIX kellu jara ħafna tibdiliet f’San Ġiljan, u fost dawn kien hemm il-ħtiġijiet spiritwali ta’ poplu dejjem jikber. Is-subborg ta’ San Ġiljan ma baqax jgħodd biss ftit bdiewa, sajjieda u l-familji tagħhom, iżda l-popolazzjoni kibret, tant li dik li kienet tgħodd madwar 50 familja, fis-sajf kienet taqbez 'l elf ruħ. Il-parruċċani ħafna drabi kienu qed jibqgħu bla sagramenti għaliex il-bogħod mill-knisja parrokkjali ta’ Sant’Elena kien jaqtgħalhom qalbhom. Huma kienu mhedda wkoll mill-propogranda li kienet qed issir mill-Protestanti, li kienu bnew kulleġġ fil-qrib.

Għaldaqstant, fil-21 ta’ April 1849, Ercole Mamo dei Marchesi Monpalao, f’isem dawk li kienu joqogħdu San Ġiljan kiteb lill-Isqof Publiju Maria Sant. Fl-ittra spjega li kien jinħtieġ li qassis Kattoliku jintbagħat jaqdi d-dmirijiet pastorali f’San Ġiljan. L-Isqof Sant sema' t-talba tal-poplu Ġiljaniż u waqqaf il-knisja ta’ San Ġiljan f’viċi parroċċa. Dun Ġużepp Xerri D.D., saċerdot żagħżugħ minn Birkirkara, intgħażel mill-Isqof Sant għall-ħidma f’San Ġiljan. Huwa beda l-ministeru pastorali tiegħu fil-5 t’Awwissu 1849, u minn hawnhekk bdiet ir-rabta ta’ dan ir-ragħaj mal-poplu ta’ San Ġiljan, rabta li nħallet biss b’mewtu. Il-knisja tkabbret fl-1852, bl-Isqof Sant jikkontribwixxi bis-somma ta’ 150 skud b’risq dan il-proġett. Tbierket mill-ġdid mill-Prepostu Dun Ġużepp Debono fl-20 ta’ Frar 1853.


Mal-mewt tal-Prepostu Debono, l-Isqof ħareġ avviż fejn stqarr li dawk li kellhom jersqu għall-konkors għall-prepositura kellhom iwiegħdu li ma jfixklux fit-twaqqif ta’ parroċċi ġodda mit-territorju tagħhom. Il-kapitlu Elenjan ipprotesta kontra dan l-avviż, iżda dan ma waqqafx lill-Ġiljaniżi milli, magħquda ħaġa waħda mal-Viċi Parroku Xerri, jiktbu lill-Papa biex jitolbuh iwaqqaf il-viċi parroċċa tagħhom f’parroċċa. Fuq din it-talba, Ruma riedet tisma' x’kellhom xi jgħidu l-Prepostu l-ġdid u l-kanonċi tal-kolleġġjata Elenjana. Dan it-tentattiv ma rnexxiex u San Ġiljan baqa' viċi parroċċa.

Bħalma kien sar fit-twaqqif tal-viċi parroċċa, għal darb’oħra kien il-poplu li reġa' ħa l-inizjattiva sabiex San Ġiljan isir parroċċa. Waqt il-vista pastorali tal-Isqof Pietru Pace, il-poplu Ġiljaniż ippreżenta petizzjoni b’firma ta’ 166 raġel li fiha ntalab biex il-knisja ta’ San Ġiljan titwaqqaf f’parroċċa. Fost il-firmatarji kien hemm persuni influwenti bħal Mons. Ġużepp Caruana Dingli, rettur tal-knisja tal-Kunċizzjoni, Dun Alwiġ Barbara, Dr Giuseppe Montanaro u l-Avukat E. Borg Olivier.


Id-digriet tat-twaqqif tal-parroċċa ‘Quum Incolae’ ġie ppubblikat fl-1 ta’ Setembru 1891. Permezz tad-digriet, l-Isqof Pace bl-awtorità tiegħu ta’ delegat appostoliku fired lil San Ġiljan mill-parroċċa ta’ Birkirkara. Ir-raġunijiet li ta fid-digriet huma approprijazzjoni ta’ dawk mogħtija mir-residenti fil-petizzjoni tagħhom. Id-digriet isemmi wkoll li l-kappillan kellu jirċievi l-għajnuna finanzjarja li l-poplu kien jagħti kull sena lill-prepostu, kif ukoll is-somma ta’ 100 skud kull sena mingħand dan tal-aħħar. Id-digriet ta wkoll il-limiti tal-parroċċa l-ġdida u anness miegħu l-Isqof ipprovda wkoll mappa ta’ dawn il-limiti ġeografiċi. Il-kurja ħarġet ukoll proklama, miktuba bl-ilsien Taljan, sabiex din titwaħħal fil-parroċċi u f’postijiet pubbliċi.


Xerri kien nominat vigarju-kurat sal-ħatra ta’ kappillan ġdid. L-Isqof Pace kellu stima kbira lejn Xerri u għaldaqstant kiteb lill-Papa Ljun XIII sabiex jitolbu biex jafda l-parroċċa f’idejn Dun Ġużepp mingħajr eżami, għaliex dan tal-aħħar ma kienx tal-età biex jipparteċipa fl-imsejjaħ konkors għall-kariga. Dun Ġużepp sar l-ewwel kappillan ta’ San Ġiljan fl-10 ta’ Ottubru 1891 u ħa l-pussess jiem wara. Iffirma fir-reġistri tal-magħmudija l-ewwel darba bħala kappillan nhar il-15 ta’ Ottubru tal-istess sena. Avolja anzjan, Xerri wera l-istess ħeġġa u żelu li kien wera tul il-ħidma kollha tiegħu f’ San Ġiljan.


Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li reġa' kabbar il-knisja u żejjinha b’diversi opri tal-arti li għadna ngawdu sal-lum, fosthom il-vara titulari ta’ San Ġiljan, xogħol ta’ Karlu Darmanin, li waslet fil-knisja parrokkjali l-ġdida fil-lejl tat-13 ta’ Awwissu 1893. Kien żmien tad-deheb għall-komunità ta’ San Ġiljan. F’dan iż-żmien, il-parroċċa l-ġdida kellha wkoll ix-xorti ta’ vokazzjoni saċerdotali. Dun Ġiljan Zammit iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Milied tal-1893. Hu daħal biex ikun ta’ spalla għal Xerri, li issa beda jħoss it-toqol tas-snin jagħfas fuqu.

Kien Dun Ġiljan stess, li ġie mgħammed minn Xerri, li assista lil Dun Ġużepp qabel ma dan ħalla din id-dinja f’Ġunju tal-1897. Dun Ġiljan, l-id il-leminija ta’ Xerri, fis-snin tal-parrokat tiegħu, kellu jinħatar bħala s-suċċessur tiegħu ftit wara mewtu. Huwa kompla jgħammar il-knisja u jifforma komunità parrokkjali, hekk kif jixhdu r-reġistri tal-Procura della Veneranda Lampade della Chiesa Parrocchiale di San Giuliano. Iżda Zammit ma kellux idum fit-tmun tal-parroċċa minħabba saħħtu. Warajh segwa parrokat qasir ieħor ta’ tliet snin – dak ta’ Dun Karm Bugelli. Wara dawn it-tliet parrokati qosra, segwa l-itwal wieħed fl-istorja tal-parroċċa. Dun Amabile Bonanno mexxa l-parroċċa ta’ San Ġiljan għal 34 sena, fiż-żminijiet diffiċli tal-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija u l-ġlieda politiko-reliġjuża mal-Partit Kostituzzjonali ta’ Lord Gerald Strickland. Iżda kien ukoll żmien sabiħ u attiv ħafna għall-parroċċa. Is-sorijiet Klarissi u l-Agostinjani fetħu l-kunventi tagħhom f’San Ġiljan, hekk kif għamlet is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M). Ġew imwaqqfa wkoll il-fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju u ta’ San Ġużepp, ir-Terzjarji Franġiskani, ix-Xirka tal-Isem Mqaddes t’Alla, il-Figlie di Maria, l-Għaqda tal-Appostolat tat-Talb u l-Pija Unjoni tal-Addolorata. Kien f’dan il-parrokat, preċiżament fit-30 ta’ Settembru 1934, li l-parroċċa ġiet ikkonsagrata llill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Iżda San Ġiljan kompla jinbidel. Fl-1948, il-popolazzjoni kienet laħqet 9,200 ruħ. Bonanno kien l-ewwel li ħolom fil-proġett ta’ knisja parrokkjali ġdida, diġà fl-1919. Is-suċċessur tiegħu, Dun Anton Debono għamel pass ieħor ’il quddiem meta xtara biċċa art għall-bini ta’ knisja ġdida, iżda s-suċċessur tiegħu, Dun Philip Grech jidher li qata’ qalbu u rrinunzja għaliha.


Dun Guido Calleja kellu jkun il-kappillan li jara li l-ħolma ta’ Bonanno titwettaq. Il-kuntratt tax-xiri tal-art għal knisja ġdida ġie ffirmat f’Mejju tal-1957. Nhar id-9 ta’ Lulju 1961 saret festa kbira f’San Ġiljan, fl-okkażjoni tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali l-ġdida mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Iżda Dun Guido ma kellux ix-xorti li jara l-knisja lesta fil-parrokat tiegħu għaliex intbagħat mill-Arċisqof bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema. Wara biss erba' snin ta’ ministeru saċerdotali, Dun Ġwann Galea, saċerdot iben il-parroċċa, inħatar bħala t-tmien kappillan ta’ San Ġiljan. Hu kellu jmexxi l-parroċċa għall-ftuħ u t-tlestija tal-knisja l-ġdida. Din infetħet għall-ewwel darba għall-pubbliku fil-festa tad-Duluri tas-sena 1967, filwaqt li l-ftuħ uffiċjali sar nhar il-festa ta’ Ħadd il-Palm tas-sena ta’ wara. Il-knisja tbierket fil-25 ta’ Awwissu tal-istess sena u ġiet ikkonsagrata nhar is-17 ta’ Diċembru 1978.


Il-knisja parrokkjali l-antika ngħalqet għal xi żmien qasir meta nfetħet il-knisja parrokkjali l-ġdida. Madankollu ftit żmien wara, bit-tħabrik tas-saċerdot Dun Anton Sciberras u s-sagristan Michael Grech din reġgħet infetħet u għadha sal-lum taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-poplu ta’ San Ġiljan. Fl-2003, twaqqfet l-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan, sabiex tagħti sostenn lis-sagristan issa anzjan, tgħinu fiż-żamma tal-knisja u sabiex tkompli x-xogħol ta’ restawr li kien inbeda mill-Gvern (kemm fuq il-kampnar tal-knisja, kif ukoll fuq l-affresk tal-volta artistika jew is-saqaf troll tal-knisja). Minn hemm bdiet ħidma intensa li għadha għaddejja sal-lum sabiex il-knisja terġa’ tikseb post ċentrali fil-ħajja tal-parroċċa u sabiex din tiġi rrestawrata u kkonservata kif jixraq lil tempju bi storja twila bħal din u li serva bħala dar ta’ wens, ta’ faraġ, ta’ talb u ta’ qima għall-poplu ta’ San Ġiljan għal tant u tant snin.


Dan it-tagħrif ġie miġbur minn Niki Papagiorcopulo