PROĠETTI MWETTQA

Il-ħidma tal-għaqda fil-knisja

Restawr u konservazzjoni tal-paviment tal-irħam tal-knisja

Nhar it-Tnejn, 25 ta’ Jannar 2021 ingħata bidu għal intervent ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-paviment tal-irħam tal-knisja.

L-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan issottomettiet applikazzjoni għall-iskema ta’ finanzjament ta’ restawr mniedi mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr f’Settembru 2020. Fl-aħħar ta’ Ottubru, l-Għaqda ġiet infurmata li minn 24 applikazzjoni li ntlaqgħu, intgħażlu sebgħa, bl-applikazzjoni tagħna tikklassifika fil-ħames post. L-allokazzjoni ta' fondi għal dan il-proġett tlaħħaq madwar €11,000.

Skrizzjoni fuq il-paviment tal-irħam fil-kor tal-knisja, eżattament taħt il-kwadru titulari taqra: SAC IOSEPHUS XERRI S.T.D. HVIVS S. AEDIS VICE SACRA CURIO PAVIMENTVM HOC DE SUO MARMORAVIT AN MDCCCLXXXII"Dun Ġużepp Xerri, viċi kurat ta’ dan il-maqdes, ħallas minn flusu biex sar il-paviment tal-irħam fis-sena 1882." Għaldaqstant, dan il-paviment kellu bżonn intervent serju ta' restawr u konservazzjoni.

Dan ix-xogħol sar mill-Marmista Joseph Calleja, taħt id-direzzjoni ta' James Licari u Ingrid Ross, konservaturi u restawraturi minn Heritage ResCo. F'Ġunju 2021 sar ix-xogħol tal-għarik fuq il-paviment kollu, l-aħħar fażi ta' dan il-proġett. Ix-xogħol tal-għarik sar mis-Sur Edward Abdilla.


Dan il-proġett ġie megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti


RESTAWR U KONSERVAZZJONI TA' KWADRU: SAN PIETRU appostlu

Għalkemm is-sena 2020 kienet waħda fejn il-ħidma tal-Għaqda ġiet imxekkla mhux ftit mill-pandemija COVID-19, il-Kumitat tal-Għaqda għamel l-almu tiegħu sabiex ikompli għaddej bil-ħidma ta' restawr u konservazzjoni tal-opri tal-arti li jżejnu l-knisja.

Fost il-proġetti ta' restawr u konservazzjoni li saru kien hemm dak fuq il-kwadru ta' San Pietru Appostlu, li jinsab imdendel fuq il-bieb tal-ġenb fuq ix-xellug tal-knisja. Il-kwadru, żejt fuq it-tila, mill-iskola Barokka Naplitana, tħalla lill-knisja bħala wirt mill-ewwel Kappillan tagħha, Dun Ġużepp Xerri. Il-kwadru kellu bżonn kbir ta’ restawr, b’sejħiet biex dan jiġi restawrat imorru lura għall-1991 f’apprezzament kritiku li kiteb fuqu l-Professur Mario Buhagiar.

L-istess Professor Buhagiar isostni li din il-pittura naraw fiha ħjiel tal-influwenza ta' Jusepe Ribera, kemm fis-disinn qawwi tagħha, kemm fir-realiżmu sfiq, kif ukoll fl-impatt drammatiku tal-kjaroskur. Il-kisra f'għajnejn il-qaddis xwejjaħ u magħkus, li nsiru nafu min hu mill-imfietaħ li jidhru fir-rokna t'isfel tal-lemin, tfakkarna fl-ikonografija tad-Dmugħ ta' San Pietru li kienet suġġett popolari ħafna fl-Ewropa t'Isfel fis-seklu XVII.

Il-pittura kienet skurat tant li d-dettalji tagħha ħafna minnhom ma kenux viżibbli, l-ilwien kienu niexfa, u ntilfu partijiet taż-żebgħa li bdiet titfarfar.

Ix-xogħol ta' restawr u konservazzjoni ġie avdat lil Atelier del Restauro taħt it-tmexxija ta' Valentina Lupo u d-Dott.sa Maria Grazia Zenzani.

Dan ix-xogħol sar bil-ġenerożità tad-Dentist Dr Colin Gambin ta' Thames Dental Clinic, San Ġiljan, li permezz ta' donazzjoni tiegħu tkoprew l-ispejjeż tar-restawr ta' dan il-kwadru.

Hija x-xewqa tal-kumitat li jinbidel il-gwarniċ tal-kwadru li mhuwiex ta' valur (u mhuwiex oriġinali), b'ieħor li jkun jista' jsir b'sengħa u li jkun jixbah gwarniċi tal-epoka tal-kwadru. Kull donazzjoni għal dan il-għan tkun apprezzata.



Ir-restawr ta' San Pietru Appostlu kien possibbli grazzi għal Dr Colin Gambin - Thames Dental Clinic



induratura u arġentatura mill-ġdid tal-gandlieri tal-aLtaRi laterali

Proġett ieħor li l-Għaqda għaddejja bih huwa dak tar-restawr u l-induratura u l-arġentatura mill-ġdid ta’ settijiet ta' gandlieri tal-altari laterali tal-knisja. L-ewwel sett, dak tal-altar tal-Axxenzjoni, ġie mżanżan mill-ġdid fil-festa titulari ta' San Ġiljan fl-2019. Għażilna li nibdew mill-altar tal-Axxenzjoni sabiex nikkumplimentaw ukoll is-sett ta’ statwi ta’ appostli li saru għal dan l-altar, liema statwi qed jiġu indurati bid-deheb ta’ 23 karat u mżejna b’libsa fina ta’ induratura. Dan il-proġett tkompla fis-sena 2020, fejn sar xogħol fuq is-sett ta' gandlieri tal-altar tal-Madonna tar-Rużarju.

Il-benefatturi wara dan il-proġett huma l-President tal-Għaqda, is-Sur Charles Pace, li ħallas għall-ispejjeż marbuta mas-sett tal-altar tal-Axxenzjoni u s-Sur John Tanti u oħtu s-Sinjura Margaret Cini li daħlu għall-ispejjeż tas-sett tal-altar tal-Madonna tar-Rużarju.

Dokumenti miżmuma fl-Arkivju San Ġiljan, partikolarment ktieb ta’ kontijiet jew spejjeż li għamlet il-prokura msejħa 'Tal-Lampier,' bejn l-1895 u l-1904, tagħtina ħjiel fuq meta u min seta’ ħadem dan l-apparat liturġiku.

Ix-xogħol ta’ restawr u induratura u arġentatura mill-ġdid fuq dawn il-gandlieri ġie fdat lis-Sur Omar Camilleri. Ix-xogħol fuq il-gandlieri jinvolvi t-tneħħija tas-saffi ta’ ġibs sabiex tinkixef l-istruttura oriġinali tal-injam ta’ kull gandlier u tal-kurċifiss. Wara, isir konsolidament tal-istruttura fl-injam, kif ukoll trattament kontra infestazzjoni ta’ insetti. Sussegwentement, jingħataw għoxrin passata ta’ ġibs biex ikun jista' jinbeda x-xogħol ta’ induratura u arġentatura bil-boll. L-inċiżjonijiet kollha qed jiġu rreplikati u fl-aħħar il-kurċifiss u l-gandlieri jingħataw passati ta’ lacquer sabiex tipproteġihom milli jiswiedu.

L-Għaqda qed tfittex benefatturi interessati li jidħlu għall-ispejjeż tas-settijiet l-oħra ta' gandlieri - dawk tal-altar ta' San Ġużepp u l-altar ta' Sant'Anna. Min hu interessat li jgħin jista' jagħmel kuntatt magħna jew jagħti donazzjoni.


L-arġentatura u l-induratura tas-sett gandlieri li jżejnu l-altar tal-Axxenzjoni kien possibbli grazzi għas-Sur Charles Pace - Worldwide Co. Ltd.



RESTAWR U KONSERVAZZJONI TA' KWADRU: san ġilormu jippreżenta l-bibbja latina lill-papa san damasu

Fil-jiem tal-Milied tas-Sena 2019 ġie inawgurat ir-restawr fuq il-kwadru li juri lil San Ġilormu jippreżenta l-Bibbja Latina lill-Papa San Damasu. Skont il-Professur Mario Buhagiar, dan il-kwadru huwa l-prodott taċ-ċirku mmedjat ta' Mattia Preti. Il-kompożizzjoni qawwija, id-disinn virili u l-imoddellar plastiku kollha jissuġġerixxu li dan huwa xogħol il-bottega tal-imgħallem jew ta’ xi dixxiplu li kien qed juża d-disinni u l-buzzetti ta’ Preti. It-tonalità dominanti tal-kwadru hija skura, fit-tradizzjoni ta' Caravaggio u l-artist jisfrutta bis-sengħa l-effetti tal-kjaroskur biex iżid l-atmosfera drammatika u jkabbar it-teatriċilità tax-xena. Il-kwadru fih ħjiel ta' Jusepe Ribera (1591-1652) partikolarment f'San Ġlormu nofsu mneżża', impinġi bħala xwejjaħ fartas u b'leħja twila tperper, filwaqt li jidher ifisser passaġġ mill-Vulgata (Il-Bibbja bil-Latin) lill-Papa Damasu, li jinsab akkumpanjat minn qaddis ieħor mhux magħruf. It-tliet irjus milwija 'l isfel joħolqu ċirku dinamiku, imma r-riġidità tal-kompożizzjoni tinkiser fir-rokna tax-xellug minn qaddis ieħor b'abiti veskovili. Dan tal-aħħar huwa figura Preteska għall-aħħar u għandu sew minn isqfijiet qaddisa oħra fix-xogħlijiet tal-imgħallem.

Il-kwadru ġie mħolli lill-knisja mill-ewwel kappillan tal-parroċċa, Dun Ġużepp Xerri. Fl-aħħar testment tiegħu, li huwa għamel quddiem in-Nutar Michele Luigi Casolani nhar it- 8 ta’ Ottubru 1896, Xerri ħalla erba' kwadri ta' valur lill-knisja li tant ħabb tul ħajtu: San Ġilormu jippreżenta l-Bibbja Latina lill-Papa San Damasu, deskritt fit-testment bħala kwadru li jirrappreżenta "I quattro Dottori della Chiesa," Isaija, Il-Meditazzjonijiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi u San Pietru. Tal-ewwel u tal-aħħar jinsabu mdendlin fuq il-bibien laterali tal-knisja.

Ir-restawr sar mill-kumpanija Atelier del Restauro, immexxi mis-Sinjura Valentina Lupo u d-Dott.sa Maria Grazia Zenzani.

Dan kien possibbli grazzi għal donazzjoni personali mill-Kappillan, Dun Claude Portelli, li fl-għaxar anniversarju mill-bidu tal-parrokat tiegħu, irregalalna mill-ġdid dan il-kwadru fil-ġmiel oriġinali tiegħu, flimkien ma' donazzjoni oħra mill-grupp Inner Wheel Circle.

RESTAWR U KONSERVAZZJONI TA' sett ta' KWADRi tal-bidu tas-seklu xvii: l-erba' evanġelisti

Matul il-jiem ta-festa titulari 2019 ġie inawgurat ir-restawr fuq sett ta’ kwadri tal-bidu tas-seklu XVII, żejt fuq it-tila, li jirraffiguraw nofs figura kull wieħed tal-Evanġelisti, medhijin jiktbu l-Evanġelu, ħerġin minn sfond skur akkumpanjati bis-simboli tagħhom.

Il-Professur Mario Buhagiar, fi studju ppubblikat f’San Ġiljan Mitt Sena Parroċċa 1891-1991 jiddeskrivi l-irjus immodellati b’daqqiet sodi jinqalgħu b’tonalitajiet kannella dehbija, immodulati b’dawl Caravaggesk ħiereġ minn xi mkien barra l-kwadru. Buhagiar jattribwixxi l-kwadri lill-artist tajjeb midħla tax-xogħlijiet ta’ Caravaggio u ta’ Ribera. Hu jsostni li ċertu passaġġi jfakkruh ukoll fil-Preti, imma dan mhux biżżejjed sabiex jattribwixxi l-kwadru lill-bottega jew liċ-ċirku tal-imgħallem. Ħlief għal San Ġwann, it-tliet tili l-oħra jinkludu skrizzjoni li possibilment tista’ tinqara m616 (1616).

L-istat ta’ konservazzjoni tal-erba’ pitturi kien fqir ħafna. Il-verniċ kien skura u sfar u saff ta’ trab akkumula kemm fuq in-naħa ta’ quddiem u kemm ta’ wara tat-tila. Xquq żgħar, qsim kapillari, u telfien ta’ partijiet mis-saff taż-żebgħa kienu evidenti. Is-saff taż-żebgħa kellu ħsarat, fenomenu magħruf aħjar bħala 'cupping': distorsjoni tas-saff taż-żebgħa fuq it-tila li tirriżulta f’ċediment/wiċċ mgħawwar jew tisbiq fit-tila maġenb il-qsim. Il-maġġoranza tat-tili ġew ssudati b’tila ġdida fil-passat, u kien hemm evidenza ta’ saffi ta’ żebgħa li ngħataw fuq dik oriġinali. Xi dettalji mill-oriġinal kienu ntilfu għalkollox. Xi tili kienu jinkludu wkoll deformazzjonijiet u tiċrit.

Ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ dawn il-pitturi ġew fdati f’idejn il-kumpanija Atelier del Restauro. Il-proġett tmexxa minn Valentina Lupo B.Cons. (Hons.) u d-Dott.sa Maria Grazia Zenzani, flimkien mat-tim ta’ restawraturi professjonali tagħhom. Mill-kwadri kollha, San Ġwann kien jeħtieġ l-aktar ta’ restawr u konservazzjoni minħabba l-instabbiltà qawwija tas-saff taż-żebgħa li kkawża telfiet fil-partijiet kollha tal-pittura.


Dan il-proġett ta' restawr u konservazzjoni kien possibbli grazzi għall-appoġġ ta’ benefatturi importanti li mingħajrhom żgur li proġett bħal dan kien jibqa' fuq il-karta: Dr John Vassallo u Dr Marianne Noll, Dr Francis Zammit Dimech, l-Arrigo Group of Hotels Ltd. u Villa Anna Teresa.


Aktar dettalji fil-filmat dokumentarju li ġie mtella' bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan:


Ir-restawr ta' San Mattew kien possibbli grazzi għal Villa Anna Teresa u l-Arrigo Group of Hotels Ltd.


SETT STATWI TA' APPOSTLI GĦALL-AlTAr TAL-aXXENZJONI

Xi snin ilu nibet il-ħsieb li jsir sett ta sitt statwi ġodda ta' appostli sabiex jintramaw fuq l-altar tal-Axxenzjoni jew ta' Lapsi fil-ġranet tal-festa titulari u fil-festa tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema. Din l-idea kienet ta' wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda - Chris Micallef, li ħadem dawn l-istatwi fit-tafal u wara dawn inħmew terracotta. Saru l-istatwi ta' San Pietru u San Pawl, Sant'Andrija, San Bert, San Tumas u San Ġakbu l-Kbir.

Ix-xogħol tad-dekorazzjoni u induratura ta' dawn l-istatwi qed isir minn Brian Borg. L-appostli qed jiġu indurati b’deheb 24 karat u wara, Brian jaħdem fuq xogħol metikoluż sabiex biż-żebgħa joħroġ libsa mill-isbaħ għal kull appostlu. Kull appostlu se jkollu għalhekk żewġ disinni differenti – wieħed għal-libsa u ieħor għall-mantell.

L-induratura ta' dawn l-istatwi qed issir grazzi għal għotja ġeneruża mis-Sur Clayton Luke Mula, viċi sindku ta' San Ġiljan.

konservazzjoni, arġentatura u induratura mill-ġdid ta' ġilandra antika

Nhar is-Sibt, 23 ta' Marzu 2018, waqt kunċert ta' mużika sagra mill-Banda San Ġiljan bl-isem ta' Christus Unctus Est ġie inawgurat proġett ta’ restawr u induratura mill-ġdid ta’ ġilandra antika, liema restawr sar mis-Sur Omar Camilleri, li ġie kkummissjonat mill-Għaqda sabiex jaħdem fuq ir-restawr u l-induratura mill-ġdid ta’ din l-istess ġilandra proprju f’April 2017. Il-proġett kien possibbli grazzi għall-għotja minn The Alfred Mizzi Foundation. Din il-ġilandra (mit-Taljan girandola), hija għamla ta’ tron Ewkaristiku li jieħu ismu minn bieba li ddur dawra mejt sabiex tiżvela s-Santissimu Sagrament fl-isfera. Din il-ġilandra, imnaqqxa fl-injam, hija eżempju mill-aqwa ta’ arti fit-tradizzjoni Barokka, li tmur lura għat-tieni nofs tas-seklu XIX. Hija tintrama fuq l-altar il-maġġur tal-knisja fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ Corpus Domini, il-festa tal-ġisem u d-demm tal-Mulej.

Minkejja li l-istruttura fl-injam kienet tinsab fi stat tajjeb ta’ konservazzjoni, tul is-snin l-arġentatura/induratura sofriet ħsarat kbar minħabba akkumulazzjoni ta’ trab/ħmieġ u telf ta’ diversi biċċiet ta’ induratura u ġibs, minħabba movimenti fl-injam ikkawżati minn livelli għolja ta’ umdità, kif ukoll minn skariġġ u ġarr ħażin waqt l-armar/żarmar. Waqt diskussjonijiet fuq il-metodu ta’ trattament, ġie deċiż li filwaqt li l-istruttura kellha tiġi kkonservata u rrestawrata, il-ġilandra kellha tiġi indurata mill-ġdid. Dan kien meqjus pass essenzjali u ġustifikabbli peress li dan huwa oġġett li jintuża fil-kult u fil-liturġija. Il-proġett beda fis-sajf tal-2017, meta tneħħew is-saffi ta’ ġibs sabiex tinkixef l-istruttura oriġinali tal-injam u tar-raġġiera. Wara, sar konsolidament tal-istruttura fl-injam, kif ukoll trattament kontra infestazzjoni ta’ insetti. Ġew replikati wkoll partijiet neqsin mill-iskultura. Sussegwentement, ingħataw għoxrin passata ta’ ġibs biex seta’ jinbeda x-xogħol ta’ arġentatura u induratura bil-boll. L-inċiżjonijiet kollha ġew replikati biex hekk ġiet rispettata d-dehra oriġinali ta’ din l-opra t’arti.

Il-ġilandra ġiet inawgurata mis-Sur Albert Petrocochino mill-Bord tat-Tmexxija ta’ The Alfred Mizzi Foundation. Il-Kappillan, Dun Claude Portelli bierek il-ġilandra u wara, għan-nom tal-parroċċa u tal-membri tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, li stinkaw sabiex din l-opra tiġi rrestawrata, irringrazzja lill-Bord tat-Tmexxija ta’ The Alfred Mizzi Foundation għall-għajnuna tagħhom biex din l-opra tal-arti ġiet mogħtija lura l-ġmiel oriġinali tagħha u b’hekk tista’ tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri fi stat aħjar.

Sabiex il-ġilandra tkun tista' tintrefa' bl-aħjar mod u sabiex titgawda s-sena kollha, saret niċċa tal-kawba għaliha li ngħatat post prominenti fis-sagristija tal-knisja. Din inħadmet mis-Sur Michael Vella. Din in-niċċa saret permezz ta' żewġ donazzjonijiet mill-grupp Inner Wheel Circle, li ta' kull sena jorganizza l-quddiesa tal-Milied fil-knisja, u li matul is-snin kienu benefatturi kbar tal-knisja tagħna. Ta' kull sena l-grupp jagħti donazzjoni li permezz tagħha tiġi rrestawrata xi opra ta' arti fil-knisja, jew biex isiru oħrajn ġodda.


Dan il-proġett kien possibbli grazzi għal The Alfred Mizzi Foundation


restawr u konservazzjoni tal-pulptu tal-knisja

Wieħed mill-proġetti li ġie mżanżan fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-125 sena mit-twaqqif tal-parroċċa ta' San Ġiljan (1891-2016) kien ir-restawr u l-konservazzjoni tal-pulptu tal-knisja. Dan kien possibbli grazzi għall-ġenerożità tas-Sur Charles Pace, benefattur kbir tal-knisja u llum president tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan. Is-Sur Pace daħal għal dan il-proġett bil-qalb u kopra l-ispejjeż kollha marbuta miegħu. Għax-xogħol ta' restawr u konservazzjoni fuq il-pulptu ntgħażel is-Sur Mario Vella, minn Raħal Ġdid li proprju sena qabel kien ħadem fuq ir-restawr tal-pulptu tal-knisja parrokkjali tiegħu – dik ta’ Kristu Re (illum Bażilika Minuri).

Il-pulptu ħafna jiftakruh b’nostalġija fil-knisja, anke għaliex diversi rġiel Ġiljaniżi għandhom ritratt marbut ma’ qalbhom qed jagħmlu l-prietka tat-tifel minn fuqu fil-lejl tal-Milied. Dan għandu żgur fuq mitt sena għaliex f’ritratti tal-knisja lejn l-aħħar tas-seklu XIX jidher fuq ix-xellug tal-altar il-maġġur. Il-fatt li għandu skulturat fuq in-naħa ta’ quddiem in-Nome di Maria jindika li dan sar meta San Ġiljan kien għadu viċi parroċċa u t-titular tal-knisja kien tbiddel għal Santa Marija (1855-1897). Fi żminijiet aktar riċenti dan kien tneħħa mill-knisja u tqiegħed fis-sagristija. Il-membri tal-Għaqda minn dejjem ħassew li dan kellu jerġa’ jitpoġġa fil-knisja. Madankollu, l-ewwel xtaqu li dan jiġi rrestawrat.

Għaldaqstant, fis-sena 2015, fl-okkażjoni tal-festa u tal-aħħar jum tat-tridu li sar fil-knisja, il-membri ħarġu lura l-pulptu biex jaraw kif jidher fil-knisja. In-nies kellhom reazzjoni pożittiva u wrew il-fehma li dan sebbaħ il-liturġija tal-festa. B’hekk, il-membri tħeġġu sabiex jinkludu dan il-proġett fuq il-lista tal-proġetti ta’ restawr.

Ix-xogħol li sar mis-Sur Vella kien jinkludi t-tneħħija ta’ diversi saffi ta’ verniċ u ta’ ħmieġ li kien akkumula tul iż-żmien, hekk li l-pulptu inġieb kollu kemm hu fuq l-injam. L-istruttura kollha ngħatat trattament kontra s-susa u l-insetti, sar tindif tal-iskultura, tiswijiet u tibdil ta’ partijiet mikulin mis-susa, tiswijiet u tisħiħ tal-bażi kollha li kienet iddeterjorat, tiswijiet tat-taraġ, fuq iċ-ċappetti u l-bieba. Wara dawn ix-xogħlijiet inbeda x-xogħol fuq il-lostru tal-pulptu kollu. Instab li partijiet mill-pulptu oriġinarjament kellhom lostru iswed. Kien għalhekk li l-lostru ngħata fuq l-istess linji tal-oriġinal. Ġie miżjud ukoll leġiju ġdid b’anġlu skulturat fl-injam.


Dan il-proġett kien possibbli grazzi għas-Sur Charles Pace - Worldwide Co. Ltd.



restawr u konservazzjoni tal-kwadru: KRISTU MNIŻŻEL MINN FUQ IS-SALIB, MILL-BOTTEGA TA' MATTIA PRETI

Din il-pittura, żejt fuq it-tila tas-seklu XVII, turi d-Depożizzjoni ta’ Kristu, jiġifieri l-mument eżatt meta Ġesù ġie mniżżel minn fuq is-salib. Dan is-suġġett kien popolari ħafna fl-arti Kristjana u kien użat l-aktar bħala pittura fuq l-altar. Fir-Rinaxximent dan is-suġġett kien imfittex iktar minħabba l-isfida li kien joffri. Din il-pittura partikulari tad-Depożizzjoni hija fuq stil Barokk u ġiet spezzjonata mill-Professur John Spike li kkonferma li din il-pittura hija xogħol veru mill-bottega ta’ Mattia Preti, wara li ġiet annalizzata fil-laboratorju ta’ PrevArti, fejn ġiet irrestawrata fl-2016 minn grupp ta' restawraturi/konservaturi taħt id-direzzjoni tas-Sur Pierre Bugeja B.Cons. (Hons.), Direttur u Lead Restorer. F’xi passaġġi bħall-mod kif inhuma mpinġija saqajn Kristu, Ġużeppi ta’ Aritmatea u l-Madonna, hu kien tal-fehma li possibilment jistgħu jkunu mill-id ta' Preti stess.


L-ikonografija tad-Depożizzjoni ta’ Kristu normalment turi l-ġisem ta’ Kristu mniżżel minn fuq is-salib minn Ġużeppi ta’ Aritmatea. Ħafna drabi Marija l-Madalena u l-Madonna jitpoġġew ħdejn is-saqajn ta’ Kristu. Fiż-żminijiet Medjevali normalment is-suġġett kien jingħata format orizzontali, dan jidher fil-pittura Descent from the Cross li hi mpinġija minn Rogier Van Weyden. Karatteristika oħra li nsibu fix-xbihat Medjevali hi t-tneħħija tal-imsiemer mis-saqajn ta’ Kristu. Madankollu, din tbidlet fir-rappreżentazzjonijiet ta’ wara fejn il-ħabel ħa l-post tal-imsiemer. F’xi pitturi tal-bidu naraw lil Marija tagħfas wiċċha ma’ Ġesù waqt li Marija Madalena qed tbus driegħu. F’din il-pittura Marija Madalena u l-Madonna mhumiex qegħdin imissu l-ġisem ta’ Kristu imma minflok qegħdin taħt is-salib. Marija Madalena qed tħares ʾil fuq b’dirgħajha miftuħin lesta biex tgħannqu; waqt li l-Madonna qed tħares ʾil fuq lejn Binha b’ħarsa ta’ dulur.


Il-kompożizzjoni tal-pittura hija fuq angolu djagonali mifruxa mir-rokna ta’ fuq tal-lemin, sar-rokna t’isfel tan-naħa tax-xellug. Il-pittura tista’ tinqasam min-nofs jekk tirrestrinġi s-suġġett u l-figuri kollha fuq in-naħa tal-lemin waqt li tħalli n-naħa tax-xellug vojt. Il-palletta hija ristretta għall-kuluri naturali (earth tones). Il-kuluri ta’ skali iktar skuri u tal-aħmar fil-kannella tħallew għall-figuri u għall-isfond; waqt li Kristu huwa mpinġi fuq skala ta’ griż kulur il-fidda biex jispikka fuq il-kumplament tal-pittura. Id-dawl huwa mixħut direttament fuq il-ġisem ta’ Kristu, ħiereġ qisu raġġ ta’ dawl djagonali min-naħa ta’ fuq tax-xellug u dan jagħmel lil Kristu ċ-ċentru tal-attenzjoni daqslikieku qiegħed taħt lenti.


Verżjoni oħra tal-pittura tinstab fil-mużew tal-knisja parrokjali ta’ Ħal Lija. Hemm ħafna xebh bejn dawn iż-żewġ pitturi; mandankollu, jidher ċar li li l-verżjoni li tinsab fil-knisja ta’ Lapsi teknikament hija ħafna aħjar. Il-kompożizzjoni u l-pożizzjoni tal-figuri hija kważi l-istess; ħlief għal xi differenzi fil-kuluri, bħall-komma ta’ Ġużeppi ta’ Aritmatea. Differenza oħra hija li fil-pittura ta’ Lapsi hemm wiċċ ismar li qed jittawwal minn bejn il-figuri li qegħdin fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pittura jiġifieri fin-nofs lejn in-naħa tal-lemin tal-pittura. Fil-verżjoni ta’ Lapsi jidher li hemm pentimento fl-isfond in-naħa tax-xellug tal-pittura.

Waqt ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni, il-pittura ġiet stirata fuq wooden stretcher frame. Il-kanvas kien qed iġarrab numru ta’ deformazzjonijiet speċjalment mad-dawra fejn il-gwarniċ kien qiegħed f’kuntatt dirett mal-kanvas. Il-kwadru għandu ħjata vertikali tul il-kanvas u din iddeterjorat u bdiet tinfetaħ minn xi postijiet u għalhekk il-kanvas kien instabbli u f’riskju li jitqatta’. Il-pittura kienet miksija b’saffi ta’ ħmieġ li akkumula fil-wiċċ. Dan, flimkien mal-verniċ safrani u skur kien qed itellef mill-pigmenti oriġinali. Is-saff taż-żebgħa kien instabbli u beda jitqaxxar f’xi partijiet; waqt li f’xi partijiet oħra ż-żebgħa oriġinali kienet diġà waqgħet u ntilfet. Għaldaqstant, is-saff taż-żebgħa kellu bżonn trattament urġenti ta’ konsolidazzjoni.

Il-pittura ġiet investigata u ttieħdu numru ta’ ritratti taħt dwal differenti. Saru wkoll investigazzjonijiet tal-Infrared (IR) Reflectocraphy biex jidentifikaw it-tpinġija oriġinali u /jew xi alterazzjonijiet li seta’ kien hemm fil-ħsieb tal-artist huwa hu jpinġi. Biex din il-pittura tiġi kkonservata b’mod tajjeb u biex tiġi trattata ż-żebgħa ried jitneħħa t-trab u l-ħmieġ li nġema’ fuqha. Wara d-dokumentazzjoni tar-ritratti li ttieħdu beda proċess ta’ tindif billi ntużaw mezzi kimiċi. Saru wkoll numru ta’ testijiet dwar it-tindif biex b’hekk tintuża l-aħjar proċedura ta’ tindif fuq il-pittura.

Il-kanvas tneħħa mit-tilar u ġie mnaddaf in-naħa ta’ wara tiegħu b’mod mekkaniku. Il-qsim u t-tiċriet li kien hemm fil-kanvas ġew konsolidati u integrati mill-ġdid. Barra minn hekk, fejn kien hemm xi biċċiet nieqsa mill-kanvas dawn ġew riintegrati billi nqatgħu biċċiet tal-kanvas li huma simili għal dak oriġinali u twaħħlu fil-post. Twaħħal kanvas ġdid fuq wara tal-kanvas oriġinali. Saff ieħor ta’ tila ġie stirat fuq it-tilar il-ġdid biex iservi ta’ inforra wiesgħa fuq in-naħa ta’ wara tal-kanvas biex jipproteġi l-pittura mill-umdità u mill-bdil f’daqqa fl-ambjent. Il-pittura tpoġġiet fuq mejda msaħħna bi pressjoni baxxa (low pressure heated table) biex jitneħħa kull deformazzjoni fil-kanvas. Wara l-proċess tat-tila, il-pittura reġgħet ġiet stirata fuq it-tilar.

Meta l-proċess ta’ tindif ġie ffinalizzat setgħet issir analiżi aħjar tan-nuqqasijiet fiż-żebgħa u dawn ġew mimlijin b’materjal apposta u livellati. Dawn il-partijiet ġew mimlija u ġew irranġati skont in-nisġa oriġinali tal-pittura. Dawn in-nuqqasijiet ġew irranġati bl-użu ta’ kuluri tal-verniċ li huma użati għall-konservazzjoni u li huma riversibbli. Intużaw kuluri apposta biex il-biċċiet fejn ġew irranġati jibqgħu stabbli tul iż-żmien. Wara dan il-proċess ġie applikat verniċ protettiv fil-wiċċ tal-pittura. Fl-aħħar nett sar ukoll xogħol ta’ restawr fuq il-gwarniċ tal-pittura.