L-għaqda
Informazzjoni dwar l-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan vo/1891
Il-missjoni u l-vokazzjoni tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan issib ruħha fil-kliem mis-Salm 68,10: "il-ħeġġa għal darek fnietni." L-Għaqda taf il-bidu tagħha fis-sena 2003 meta grupp modest ta’ persuni li diġà kienu joffru l-għajnuna tagħhom f’din il-knisja, ingħaqdu ma’ oħrajn li xtaqu joffru l-ħin liberu tagħhom sabiex jiżguraw li l-knisja tingħata lura d-dinjità li kien jixirqilha wara perjodu twil li fiha ngħatat il-ġenb (sakemm inbniet il-knisja parrokkjali l-ġdida). Dawn il-persuni, li komplew fuq il-ħidma sfiqa tas-Sagristan Michael Grech, li bis-saħħa tiegħu l-knisja baqgħet miftuħa wara l-ftuħ tal-knisja l-ġdida, daħlu għal impenn li dejjem żammew mill-bidu nett sal-ġurnata tal-lum: dak li jżommu dan it-tempju fi stat li jixraq, b’mod li l-liturġija li ssir ġewwa fiha twassal lil dawk li jfittxu l-kenn tal-Knisja lejn Alla.
Ix-xewqa tal-membri fundaturi kienet ukoll li l-Għaqda timpenja ruħha sabiex jitħares il-wirt artistiku, storiku u kulturali tal-knisja parrokkjali l-antika ta’ San Ġiljan. Għaldaqstant, il-membri fundaturi ħasbu sabiex ikomplu fuq ir-restawr li kien sar fil-knisja mill-Gvern bil-proġetti tal-bini mill-ġdid tal-kampnar, kif ukoll dak tar-restawr tal-affreski tal-volta artistika. Diversi opri ta’ arti fosthom numru ta’ kwadri, kif ukoll għamara liturġika u oġġetti li jintużaw fil-kult ġew irrestawrati u issa qed jitgawdew mill-ġdid, grazzi għall-għajnuna ta’ diversi benefatturi. Saru wkoll diversi opri ġodda fosthom altar‑mejda ġdid u sett sottokwadri għall-altari laterali, kif ukoll damask ġdid għall-knisja kollha li jintrama fl-okkażjoni tal-festa titulari.
Missjoni oħra tal-grupp kienet ir-riintegrazzjoni ta’ din il-knisja antika fil-festa titulari. Hawnhekk il-grupp ħa ħsieb li l-knisja terġa’ tikseb lura post ċentrali fil-festa ta’ San Ġiljan. Dan billi jżejjen il-knisja kollha għall-festa, kif ukoll it-toroq ta’ madwarha. Il-membri bdew billi rrestawraw il-ftit armar antik li kien fadal u kkummissjonaw armar ġdid sabiex iżejjen it-toroq ta’ madwar il-knisja. Ħafna minn dan l-armar huwa frott idejn il-membri u l-helpers tal-Għaqda u ta’ diversi artisti kontemporanji. Il-knisja reġgħet sabet post fil-programm tal-festa bl-organizzazzjoni ta’ jum iddedikat lill-anzjani u l-morda, il-festa tat-tfal, u l-aħħar jum tat-tridu. Dan apparti l-quddiesa u t-transulazzjoni li jsiru mill-knisja l-antika għall-knisja parrokkjali lejlet il-festa u l-quddiesa ta’ nhar il-festa.
L-Għaqda għandha wkoll skop edukattiv. Apparti li toffri l-opportunità li min jixtieq li jagħmel il-voluntarjat u t‑tagħlim sabiex tfal u żgħażagħ jitħarrġu f’xogħol ta’ artiġjanat, l-Għaqda hija impenjata sabiex tħares il-wirt storiku u artistiku li ħallewlna missirijietna, u li tqajjem kuxjenza dwar l-istorja tal-parroċċa tal-lokalità u ta’ dan il-wirt imprezzabbli permezz ta’ diversi mezzi, fosthom attivitajiet kulturali u edukattivi, laqgħat għall-pubbliku, pubblikazzjonijiet u diversi mezzi oħra inklużi l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Xhieda ta’ dan l-impenn hija l-pubblikazzjoni annwali tal-Għaqda Lapsi li ġiet mnedija fl-2008 u li tiġi ppubblikata f’Awwissu ta’ kull sena. F’dan il-ktieb tiġi ppubblikata riċerka fuq il-qaddis patrun, il-knisja ta’ San Ġiljan, il-parroċċa, il-lokalità u ċ‑ċittadini distinti li għamlulha unur. F’dan il-qasam, l-Għaqda hija xprunata mix-xogħol li kien sar mill-mibki Dun Anton Sciberras, li waqqaf arkivju fil-knisja parrokkjali l-antika li baqa’ jieħu ħsieb sa mewtu fl-2006.
Fl-2016, l-Għaqda tat sehem kbir fil-festi li ġew iċċelebrati biex titfakkar il-125 sena mit-twaqqif tal-parroċċa, partikolarment fl-organizzazzjoni ta’ wirja artistika u storika li saret f’Villa Anna Teresa u li fakkret il-ġrajja tal-knisja ta’ San Ġiljan, dik tat-twaqqif tal-parroċċa fl-1891 u l-istorja tal-parroċċa sal-ġurnata tal-lum. F’Awwissu tal-istess sena, il-knisja kienet ukoll punt fokali fil-festi li saru biex jitfakkar dan l-anniversarju, hekk kif kienet f’Awwissu ta’ sentejn wara meta tfakkar il-125 anniversarju mill-miġja tal-vara titulari ta’ San Ġiljan. Nhar it-13 t’Awwissu, 125 sena mill-ġurnata tal-wasla tal-vara titulari f’San Ġiljan, il-vara reġgħet ġiet inawgurata fil-knisja parrokkjali l-antika wara intervent ta’ restawr.
Fis-sena 2019, inħass il-bżonn li l-Għaqda tieħu struttura aktar formali. Għal dan il-għan tfassal statut, ġie mwaqqaf kumitat tat-tmexxija u l-Għaqda bdiet toffri l-possibilità lill-parruċċani u lill-pubbliku sabiex jissieħbu bħala membri. Inbeda wkoll proċess sabiex l-Għaqda tiġi rikonoxxuta bħala organizzazzjoni voluntarja, liema proċess ġie fi tmiemu f’Ġunju 2020, meta l-Kummissarju għall-Għaqdiet Voluntarji rrikonoxxa lill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan bħala organizzazzjoni voluntarja (VO/1891).
L-Għaqda għandha dawn l-għanijiet:
Li tiżgura li dan it-tempju, li għandu ’l fuq minn erba’ sekli ta’ storja, jibqa’ jservi ta’ post xieraq ta’ talb u qima li fih jiġu ċċelebrati s-sagramenti mqaddsa tal-Knisja Kattolika.
Li tħares il-wirt storiku u artistiku li ħallewlna missirijietna, u li tqajjem kuxjenza dwar dan il-wirt imprezzabbli permezz ta’ diversi mezzi, fosthom attivitajiet kulturali u edukattivi, laqgħat għall-pubbliku, pubblikazzjonijiet u diversi mezzi oħra inklużi l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.
Li taħdem favur il-ġbir ta’ fondi u finanzjament ta’ interventi ta’ restawr u konservazzjoni; kemm bħala Għaqda weħidha, u kemm flimkien mal-parroċċa ta’ San Ġiljan u għaqdiet/individwi oħrajn, skont il-ħtieġa.
Toħroġ fondi għal xogħlijiet ta’ arti għall-istess knisja, dejjem skont qbil u awtorizzazzjoni mill-Kappillan u t-tmexxijja tal-parroċċa ta’ San Ġiljan, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi, u awtoritajiet oħrajn kompetenti, skont il-ħtieġa.
Li tagħti sehem fl-organizzazzjoni tad-diversi festi li jsiru matul is-sena, ewlenija fosthom il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, Corpus Domini, il-festa titulari ta’ San Ġiljan u l-Avvent u l-Milied.
Li żżejjen dan it-tempju b’mod xieraq għal dawn il-festi, u matul is-sena liturġika kollha tal-Knisja.
Li tikkura, tirrestawra u tħares il-patrimonju ta’ armar estern għall-festa titulari, liema armar huwa xhieda ħajja tat-tradizzjoni antika tal-festa titulari ta’ San Ġiljan; u li tikkummissjona armar ġdid sabiex jiżżejnu t-toroq ta’ madwar il-knisja għall-ġranet tal-festa titulari.
Li tgħożż, tħares u tippromwovi t-tradizzjonijiet lokali u li teduka l-ġenerazzjoni żagħżugħa sabiex tapprezza dawn it-tradizzjonijiet.