iL-pAVIMENT TAL-iRħAM

PROĠETT TA' RESTAWR U KONSERVAZZJONI

Nhar il-25 ta’ Jannar 2021, ingħata bidu għal intervent ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-paviment tal-irħam tal-knisja.

L-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan issottomettiet applikazzjoni għall-iskema ta’ finanzjament ta’ restawr mniedi mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr f’Settembru 2020. Fl-aħħar ta’ Ottubru, l-Għaqda ġiet infurmata li minn 24 applikazzjoni li ntlaqgħu, intgħażlu sebgħa, bl-applikazzjoni tagħna tikklassifika fil-ħames post. L-allokazzjoni ta' fondi għal dan il-proġett kienet tlaħħaq madwar €11,000.

Skrizzjoni fuq il-paviment tal-irħam fil-kor tal-knisja, eżattament taħt il-kwadru titulari taqra: SAC IOSEPHUS XERRI S.T.D. HVIVS S. AEDIS VICE SACRA CURIO PAVIMENTVM HOC DE SUO MARMORAVIT AN MDCCCLXXXII – "Dun Ġużepp Xerri, viċi kurat ta’ dan il-maqdes, ħallas minn flusu biex sar il-paviment tal-irħam fis-sena 1882." Għaldaqstant, dan il-paviment għandu 139 sena u kellu bżonn intervent serju ta' restawr u konservazzjoni.

Ix-xogħol, li ġie konkluż f'Ġunju 2021, sar mill-Marmista Joseph Calleja, taħt id-direzzjoni ta' James Licari u Ingrid Ross, konservaturi u restawraturi minn Heritage ResCo. Is-Sur Calleja għamel xogħol metikoluż ħafna u ta' paċenzja kbira li tawwal fuq erbgħa xhur, fejn ħadem fuq il-paviment tal-knisja kollha, biċċa biċċa. Taħt id-direzzjoni tar-restawraturi huwa qala' l-partijiet kollha tal-paviment li kienu mikula u dawwarhom u ssostitwixxa l-irħam miksur b'irħam tal-istess qies u għamla. F'Ġunju sar ix-xogħol tal-għarik fuq il-paviment kollu, l-aħħar fażi ta' dan il-proġett. Ix-xogħol tal-għarik sar mis-Sur Edward Abdilla.



Dan il-proġett ġie megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti