PROĠETT
rESTAWR u kONSERVAZZJONI tal-ġebla , ŻEBGĦA u RIDEKORAZZJONI TAL-kNISJA
Il-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta' Lapsi) infetħet mill-ġdid nhar il-Ħadd, 3 ta' Ottubru 2021, wara li kienet ilha xahrejn magħluqa. Kien proprju nhar it-Tnejn, 2 t’Awwissu 2021, li ngħata bidu għall-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-ġebla taz-zokklatura, żebgħa u ridekorazzjoni tal-knisja. Dan il-proġett ġie koordinat mill-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.
L-ewwel faħi ta' dan il-proġett kienet tikkonsisti fir-restawr u l-konservazzjoni tal-ġebla taz-zokklatura, speċjalment fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja li, kawża ta’ umdità, partikolarment fl-altari tal-Madonna tar-Rużarju u Sant'Anna, kienet qed titfarfar u tiddeterjora b’mod allarmanti. Iż-żebgħa taż-żejt, li ġiet applikata xi snin ilu, tneħħiet miz-zokklatura sabiex din tinġieb kollha kemm hi fuq il-ġebla. Wara sar rikostruzzjoni tal-partijiet tal-ġebla, li ntilfu. Imbagħad sar xogħol ta’ xkatlar ħafif fuq il-bqija tal-knisja, tikħil bi prodotti apposta li jifilħu għall-umdità – ibbażati fuq hydraulic lime, u żebgħa bi prodotti apposta għal fuq il-hydraulic lime.
L-ispiża totali tal-proġett kienet tlaħħaq il-€18,000, li ġew koperti b'fondi miksuba u donazzjonijiet mogħtija lill-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan waqt kampanji ta' ġbir u inizjattivi organizzati mill-istess Għaqda. Parti kbira mill-proġett ġiet megħjuna mill-Kunsill Lokali San Ġiljan, b’fondi miksuba mir-Reġjun Ċentru. Nirringrazzjaw lis-Sindku, Dott. Albert Buttigieg, lill-Viċi Sindku Clayton Luke Mula u lill-kunsilliera kollha, kif ukoll lill-President tar-Reġjun Ċentru, is-Sur Michael Fenech Adami, li mingħajrhom dan il-proġett ma kienx ikun possibbli. Illum qed nifmhu kemm kien pass għaqli li wara proċess twil u li kien jinvolvi impenn kbir, l-Għaqda ġiet rikonoxxuta bħala organizzazzjoni volontarja u għaldaqstant hija eliġibbli li tapplika għall-fondi kemm mill-Gvern Lokali kif ukoll mill U.E.
Nirringrazzjaw ukoll lil dawn il-benefatturi li bis-saħħa tagħhom wasalna biex inkopru l-ispejjez tal-proġett: Spinola Park, Każin Banda San Ġiljan, Onor. Robert Arrigo, Dott Albert Buttigieg, Fr Julian Cassar, Mr & Mrs Geoffrey d'Ugo, Onor. Dr Michael Falzon, Ms Rosemarie Garzia, Dr Joe Giglio, Onor. Karl Gouder, Mr & Mrs Ambrose Lungaro Mifsud, Mr Denis Muscat, Mr Noel Muscat, Ms Bernardine Mizzi, Ms Christine Peralta, Mr Louis Tabone, Perit Victor Torpiano u Dr Francis Zammit Dimech, fost diversi oħrajn.
Imiss issa li ngħaddu għax-xogħol ta' ridekorazzjoni - l-artali tal-ġnub se jiżżejnu bl-irħamar jew finto marmo, filwaqt li partijiet mill-iskultura u ċertu dettalji mill-arkitettura tal-knisja ser jiġu ndurati bid-deheb 23.5 karat. Hemm ippjanat ukoll li ssir sistema ta’ dawl ġdida għall-knisja, liems sistema ta' dawl ser issir mill-Parroċċa. Il-proġett tad-dawl qed jiġi ikkordinat mill-Kappillan Dun Claude Portelli, li minn dawn il-paġni nirringrazzjawh ta' din l-inizjattiva li ser tikkumplimenta dan il-proġett ta' ridekorazzjoni tal-knisja.