MERĦBA

F'DAN IS-SIT ELETTRONIKU DDEDIKAT LILL-KNISJA TA' LAPSI

MESSAĠĠ MILL-KAPPILLAN U

RETTUR TAL-KNISJA

Rev. Dun Paul Mizzi


Nagħtikom merħba f’dan is-sit iddedikat lill-knisja parrokkjali l-antika ta’ San Ġiljan, jew kif nafuha popolarment ‘Ta’ Lapsi’, intiża mhux biss li tagħti tagħrif storiku fuq il-knisja nnifisha u l-opri tal-arti li jżejnuha, iżda wkoll li tagħti spazju sabiex nuru l-ħidma li qed titwettaq mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan, dejjem flimkien mal-Parroċċa ta’ San Ġiljan, sabiex nieħdu ħsieb dan il-ġojjell fil-qalb tal-komunità Ġiljaniża.


Dun Anton Sciberras, saċerdot b’fama kbira ta’ spiritwalità u qdusija mal-poplu Ġiljaniż, f’poeżija li kiteb iddedikata lill-Knisja ta’ Lapsi fl-1968, meta nfetħet il-knisja l-ġdida, imur jindirizza lill-knisja l-antika b’dan il-mod:


“Illum li bnejna knisja sabiħa,

Knisja ta’ Lapsi, mhux se ninsewk;

Ġo qlubna tibqa’ tifkirek ħelwa,

L-imħabba sħiħa li niesna urewk!


Int tibqa’ għalina, illum u dejjem,

L-Omm tagħna għażiża, xiħa biż-żmien;

Aħna ferħana bl-għarusa l-ġdida,

’Ma f’qalbna għandek l-egħżeż imkien”


Din hija poeżija li tfisser fil-qosor u tirrifletti s-sentiment tal-poplu ta’ San Ġiljan lejn din il-knisja. Il-knisja parrokkjali l-antika għadha fil-qalb ta’ ħafna mill-Ġiljaniżi, partikolarment anzjani li jħarsu lejha b’nostalġija għaliex tfakkarhom fi żminijiet imgħoddija: fi tfulithom, f’żgħożithom, jew f’waqtiet importanti fil-ħajja Nisranija tagħhom. Jiftakru partikolarment fis-sagramenti li ħadu f’din il-knisja, dak iż-żmien parrokkjali ta’ San Ġiljan: l-ewwel tqarbina, il-griżma tal-Isqof u wħud minnhom iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom. Hija knisja marbuta mal-qalb ta’ ħafna nies u li għadha post ċentrali fejn jiġu ċċelebrati s-sagramenti u minn fejn il-parroċċa twettaq il-ħidma pastorali tagħha partikolarment mar-residenti fiż-żoni taċ-ċentru storiku ta’ San Ġiljan u l-inħawi ta’ Ta’ Giorni.


Tul dawn l-aħħar snin, saret ħidma kbira mill-Parroċċa u mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan, sabiex din il-knisja u l-opri artistiċi li jżejnuha jiġu kkonservati u rrestawrati kif jixraq. Hija xewqa tiegħi li l-poplu Ġiljaniż u kull min għandu għal qalbu l-patrimonju li ħallewlna missirijietna joffru l-appoġġ tagħhom lill-Għaqda u lill-Parroċċa sabiex din il-ħidma titkompla. Fi żmien fejn il-volontarjat huwa mhux daqstant apprezzat, ejjew nagħtu sinjal ċar ta’ appoġġ lejn din il-ħidma billi noffru l-għajnuna tagħna. Din tista’ tieħu forma ta’ għajnuna fiżika jew fil-ħidma amministrattiva li qed issir mill-Għaqda, jew għajnuna f’kontribuzzjonijiet finanzjarji b’risq il-proġetti ta’ restawr u konservazzjoni tal-knisja u l-opri tal-arti li jżejnuha u l-manutenzjoni tagħha. Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira u kbira kemm hi kbira, tkun apprezzata. Inħeġġiġkom turu l-appoġġ tagħkom ukoll billi ssiru membri tal-Għaqda. Il-miżata hija biss ta’ €10.00 fis-sena li tmur b’risq il-fond ta’ restawr tal-knisja.


Nawgura li ssibu l-informazzjoni, l-illustrazzjonijiet u midja li tħejjiet għalikom mill-membri tal-Għaqda sabiex jilħqu l-għan aħħari li jqajmu kuxjenza dwar il-wirt storiku u artistiku li ħallewlna missirijietna, ta’ interess. Ejjew f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ pandemija li qed iżżommna ’l bogħod minn xulxin u timpedina milli niġu flimkien bħal komunità Nisranija, iżda wkoll bħala ċittadini tal-lokalità li tant inħobbu, ngħożżu fina dik l-imħabba lejn dak kollu li jagħmilna Nsara u lejn dak kollu li jagħmel il-komunità tagħna waħda sabiħa, inklużi t-tradizzjonijiet u l-identità kulturali tagħna.